Ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, l-Aġenzija Sapport u Voice for Inclusion Association Gozo, se jwassal biex jissaħħaħ is-servizz mogħti lill-istudenti b’diżabilità fix-xhur tas-sajf f’Għawdex.
Dettalji dwar il-ftehim ingħataw waqt żjara li l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli għamlu fis-Sannat Special Unit.
Din l-Unità hija parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, li fih jingħata servizz ta’ SkolaSajf mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (il-FES). Sa issa f’Għawdex kienu qed jiġu offruti fl-istess ħin żewġ servizzi għal studenti b’diżabilità: servizz minnhom mill-FES mis-Sannat Unit u servizz ieħor li huwa ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Agenzija Sapport, u mħaddem minn Voice for Inclusion Gozo.
“Permezz ta’ dan il-ftehim dawn iż-żewġ servizzi se jingħaqdu f’servizz wieħed u b’hekk se jingħaqdu r-riżorsi biex nagħtu l-aħjar esperjenza lill-istudent. Dan se jsir għax se nagħmlu użu massimu tar-riżorsi. Dan is-servizz għandu jservi wkoll bħala mudell ta’ kollaborazzjoni eċċellenti bejn entitajiet differenti tal-Gvern,” qal il-Ministru Clifton Grima waqt iż-żjara.
L-iskola tas-Sannat hija ta’ eżempju ta’ xi tfisser il-vera inklużjoni fl-edukazzjoni. Dan isir b’dedikazzjoni li tintwera mill-edukaturi ma’ studenti li għandhom diffikultajiet ta’ tagħlim, biex dawn iħossuhom fuq l-istess livell ta’ studenti oħra.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li “għat-tielet sena konsekuttiva qed noffru dan is-servizz sabiex tfal b’diżabilità f’Għawdex jibqgħu jiżviluppaw u jkollhom iċ-ċans jattendu SkolaSajf bħal tfal oħra.” Huwa rringrazzja lill-ministri kkonċernati li fehmu l-bżonn ta’ programmi bħal dawn f’Għawdex sabiex it-tfal verament ikunu meqjusin l-istess.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet il-ftehim bħala ħolqa minn katina ta’ inizjattivi maħsubin biex persuni b’diżabilità jitwasslu għal aktar inklużjoni fil-komunità. “Kull persuna, hi x’inhi l-età u hi x’inhi l-abilità tagħha, għandha tingħata kull għajnuna biex jiżdiedu l-opportunitajiet għaliha. Dan il-ftehim ikompli jibni fuq il-ħidma b’saħħitha li saret f’dawn l-aħħar snin mal-għaqda mhux governattiva Voice For Inclusion f’Għawdex u juri l-fiduċja li għandu l-Gvern fl-għaqdiet volontarji,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Din is-sena SkolaSajf se jingħata mill-iskejjel primarji tal-istat u minn 5 resource centres madwar Malta u Għawdex bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. Is-servizz se jingħata mit-12 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awwissu u mill-21 ta’ Awwissu sas-7 ta’ Settembru. Filwaqt li l-ħinijiet ta’ SkolaSajf huma bejn it-8.30am u n-12.30pm, għall-ġenituri li jaħdmu se jingħata servizz estiż f’ċentri magħżula mis-7am sat-8.30am u min-12.30pm sal-5.30pm.