Leontine se tkun qed tirritorna fuq l-iscreens tat-televiżjoni bħala preżentattriċi, matul dan is-sajf fuq ONE. Magħrufa ma’ bosta fil-qasam teatrali b’mod partikolari għal dawk li jħobbu l-musicals, Leontine kienet fost l-ewwel preżentaturi lura fis-snin, ta’ programmi tat-tfal fuq ONE (dak iż-żmien Super 1 TV).
Żgur li bosta segwaċi ta’ ONE li llum kibru, jiftakru l-programmi kbar u sbieħ li l-istazzjon kien iwassal immirati għat-tfal, fosthom Dr Peel. B’aktar minn għoxrin sena ilu, Leontine żgur li baqgħet wiċċ sinonimu ma’ dan il-programm!
Għalkemm lil Leontine mhux l-ewwel darba li f’dawn l-aħħar snin rajnieha fuq it-televiżjoni bil-versatilita’ tagħha, kemm bħala attriċi u kemm bħala kantanta, ironikament Leontine ilha snin twal ma tippreżenta programm televiżiv. Infatti l-aħħar programm tagħha bħala preżentattriċi kien Poppins fuq TVM, aktar minn 9 snin ilu.
Issa, wara nuqqas ta’ bosta snin bħala preżentattriċi, Leontine laqgħet b’entużjażmu din l-opportunita’ li ONE qed joffrilha sabiex fis-sajf tkun parti minn programm ġdid ta’ kuljum li se jżomm kumpanija lis-segwaċi ta’ ONE.
Leontine filwaqt li rringrazzjat lil ONE għall-fiduċja tagħhom fiha, qed tħarres ‘l quddiem lejn din l-opportunita’ ġdida biex tkun qrib ħafna nies u li tkun ta’ kumpanija u wens għal dawk li se jagħżlu li jsegwuha.