Huwa importanti li jintlaħaq bilanċ bejn ir-rata mgħaġġla tat-tranżizzjoni li għaddej minnha s-suq tax-xogħol – bl-impatt soċjali u ekonomiku li din qed tħalli fuq kull pajjiż – u l-ħiliet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Kienet din it-tema ewlenija li ġiet diskussa f’konferenza organizzata mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Kumitat għad-Drittijiet Umani u għall-Koeżjoni Soċjali, fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.
Realtajiet ġodda bħalt-trasformazzjoni diġitali u l-intelliġenza artifiċjali, kienu wkoll fid-diskussjoni, bħala wħud mill-fatturi li qed iwasslu għal din it-trasformazzjoni.
Ġew diskussi wkoll mudelli ġodda, li għandhom jservu sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ġodda kif ukoll jindirizzaw il-bżonn ta’ kull ħaddiem.
Dan flimkien ma’ alternattivi oħra li jiggarantixxu teknoloġiji aktar sostenibbli.
Din il-konferenza ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Diversi kelliema u ministri minn barra minn xtutna tkellmu dwar l-importanza ta’ miżuri soċjali li jaċċertaw koeżjoni u mobbilità soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-aspett soċjali għandu dejjem jingħata prijorità fit-tfassil tal-politika.
Żied jgħid li, minkejja li t-tranżizzjoni hija xi ħaġa drastika u bla tmiem, l-għan għandu jkun dejjem wieħed: li n-nies jiġu l-ewwel.
Huwa semma l-miżuri soċjali li daħlu fis-seħħ f’dawn l-aħħar għaxar snin, u saħaq fuq l-importanza li niġbdu ħabel wieħed, fl-istess direzzjoni.
Temm jgħid li l-progress iseħħ meta l-prosperità tiġi gawduta minn kulħadd. Huwa appella għal kundizzjonijiet xierqa.
Qal, “Kull politika, kull tmexxija, kull management, għandu jkollu motto wieħed: in-nies l-ewwel, people first. Għalhekk, huwa importanti li, kemm jista’ jkun, il-qasma soċjali tiġi eliminata. Ma jfissirx li se ġġibu l-istess, imma importanti, anzi d-dover tagħna, huwa li naraw li kull persuna jħossu inkluż u jkollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal tiegħu. Dan għandu jkun l-għan ta’ kull politika.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, semma l-importanza tad-djalogu soċjali u l-ħiliet tal-ħaddiema.
Huwa għamel referenza għal ħiliet bħall-ħsieb kritiku u l-ħiliet interpersonali.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid li minkejja li t-triq ’il quddiem mhijiex waħda faċli, permezz ta’ komunikazzjoni bejn dawk ikkonċernati, it-tranżizzjoni tkun waħda aktar effiċjenti.
Qal, “L-irwol importanti tad-djalogu soċjali huwa li jkollok l-imsieħba soċjali kollha, fejn niddiskutu x’hemm bżonn illum il-ġurnata, biex nikkumplimentaw, bħala eżempju, artificial intelligence.”