L-imħallef li kienet assenjata biex tippresjiedi fuq il-ġuri ta’ raġel mixli bi qtil astjeniet milli tisma’ l-każ wara li l-avukati tad-Difiża kkontestaw il-metodu li bih il-każ ġie assenjat lilha.
Aleksandar Stojanovic, Serb, huwa akkużat li qatel lil Walid Salah Abdel Moteleb Mohamed, Eġizzjan ta’ 42 sena, f’Għawdex ħames snin ilu. Huwa kien instab mejjet f’għalqa fl-Għarb bi ġrieħi kkaġunati minn arma tan-nar f’għonqu u f’sidru. Huwa jinsab akkużat ukoll li kellu fuqu arma mingħajr il-liċenzja neċessarja, li saq karozza mingħajr il-liċenzja jew assigurazzjoni neċessarja, u li kellu vettura li ma kinitx irreġistrata kif suppost mat-Transport Malta. Huwa jiċħad li huwa ħati.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-avukati tiegħu talbu lill-Qorti Kriminali għar-rikuża tal-Imħallef Edwina Grima, li Stojanovic kellu jidher quddiemha. L-avukati Jose’ Herrera, Franco Debono u Francesca Zarb argumentaw li l-ġuri kien ġie assenjat b’mod irregolari u qalu li kienu leti jiftħu proċeduri alternttivi fil-mument opportun.
Fl-istess waqt, l-avukati fetħu każ Kostituzzjonali għax argumentaw li l-fatt li l-akkużat ma keLlu l-ebda rimedju legali ordinarju biex jikkontesta l-legalità tal-arrest tiegħu wara li kien ħareġ l-att tal-akkuża jikkostitwixxi ksur tad-drittjiet fundamentali tiegħu.
Fil-kawża Kostituzzjonali allegaw ukoll li Stojanovic sofra element ta’ preġudizzju minħabba li r-reġistratur tal-Qrati u t-Tribunali Kriinali, li fost l-oħrajn huwa responsabbli mill-assenjar tal-kawżi lill-imħallfin, fil-ħames snin ta’ qabel kien id-deputat reġistratur tal-imħallef li kienet se tisma’ l-każ.
Kitba: One News
Ritratt: Qorti