Ir-riżultat storiku li pajjiżna kiseb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa żgur mhux forsi juri l-impenn tal-Gvern li, flimkien mal-ħaddiema ta’ dan is-settur, jinvesti bil-qawwa favur l-atleti Maltin – mhux l-inqas dawk żgħażagħ.
Julian Scerri huwa wieħed minn tmienja u tletin atleta li kisbu midalja tad-deheb fil-Logħob, li din is-sena dar f’pajjiżna.
Sabiex niksbu iktar tagħrif fuq is-suċċess li dan l-atleta Malti kiseb fl-isquash, żornih fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
Huwa qalilna li dak li rnexxilu jikseb kien possibbli grazzi għall-impenn min-naħa tal-iskola u min-naħa tal-familja, li jżommu ħajja fih id-determinazzjoni li jkompli jitjieb fl-isport li tant iħobb.
Spjegalna li, fost it-taħriġ tiegħu, huwa ngħata l-opportunita li jmur Santiago fi Spanja, fejn tħarreġ ma’ wieħed mill-aħjar ħames atleti tal-isquash fid-dinja.
Qal, “It-training camps tawhom l-ispinta biex jaraw il-players professjonali kif jittrenjaw u x’għandhom bżonn jagħmlu biex ikunu professjonali.”
Julian kompla jgħid li, minkejja li ’l-isport jagħtih importanza kbira, dan ma jfissirx li ta l-ġenb lill-edukazzjoni formali. Fil-fatt, grazzi għas-sistemi li tħaddem l-iskola, kien possibbli għalih li jkompli jistudja filwaqt li jipprattika l-isport li tant huwa għal qalbu.
Qal, “Ma tliftx mill-edukazzjoni u xorta waħda, grazzi għat-teachers, ħallewni nidħol onlajn insegwi u kkoreġewli l-homework, u għenitni biex wasalt nagħmel l-O levels, u mort tajjeb.”
Julian appella biex kull student li jingħata opportunità li jitħarreġ barra minn Malta jieħu din l-opportunità, li tippermetti li atleta mhux biss itejjeb l-aspett fiżiku tiegħu iżda wkoll dak mentali.
Qal, “Mort xi tournaments kif ukoll training camps u rajt riżultati tajbin ħafna, fejn anki tlajt fl-aqwa għoxrin tal-Ewropa”
Min-naħa tiegħu, il-kap tal-Iskola, Robert Magro, semma r-raġunijiet għaliex l-iskola ħasset il-ħtieġa li tibgħat iktar minn tlett mitt student f’dawn il-kampijiet tat-taħriġ.
Qal, “Lill-istudenti tagħna nagħtuhom l-exposure barra minn Malta, fejn jattendu t-training camps skont l-isport li jippratikaw, biex huma jesperjenzaw x’jiġifieri ħajja professjonali.”
Rigward l-impenn li l-iskola tieħu biex tassigura li l-istudenti atleti jkollhom l-aħjar taħriġ possibbli, is-sur Magro qal li permezz tal-għajnuna mill-Gvern, l-iskola kompliet tespandi l-opportunitajiet; fosthom billi toffri skema postsekondarja għall-istudenti li jixtiequ jkomplu jitħarrġu filwaqt li jkomplu wkoll bl-edukazzjoni terzjarja tagħhom.
Qal, “L-istudent se jitgħallem u se jħares lejn l-isport b’lenti differenti għax aħna, bħala skola, l-għan tagħna huwa li, kif jispiċċaw l-iskola, inkomplu nissaportjawhom. Fil-fatt, aħna għandna l-isportS post-secondary scheme, fejn kellna studenta li rebħet midalja grazzi għall-iskola li kkontribwiet, li xorta tajniha s-support.”
Huwa saħaq li l-iskola tagħmel minn kollox biex tassigura futur sabiħ għall-atleti żgħażagħ Maltin, fosthom billi tgħin lill-istudenti jsibu boroż ta’ studju lil hinn minn xtutna biex jiksbu l-aqwa taħriġ possibbli fl-isport tagħhom.