72 uffiċjal u eks uffiċjal fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ngħataw rikonoxximent għas-servizz twil u effiċjenti tagħhom fi ħdan l-aġenzija. Minn dawn it-72 uffiċjal; 44 ħadu midalja ta’ 18-il sena servizz; 51 minnhom ħadu wkoll clasp tal-25 sena servizz u 6 ħadu clasp tat-30 sena servizz.
Ir-rikonoxximent tqassam mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Christopher Siegersma, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, nhar it-Tnejn filgħaxija.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li karriera fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi mhix xogħol kwalunkwe, iżda vokazzjoni li tista’ twassal għal sodisfazzjon li ma jagħtikx rwol ieħor. Tenna li l-irwol tagħhom mhuwiex biss ta’ sigurtà iżda wkoll li bl-għemil tagħhom iservu biex b’kelma tajba jgħarrfu t-triq it-tajba lil dawk li qed jiskontaw sentenza. Dan flimkien ma’ xogħol importanti li qed isir sabiex isir tentattiv ġenwin biex persuni sentenzjati jirritornaw fis-soċjetà riformati.
“Intom l-aktar nies ta’ esperjenza u llum proprju qed tiġu ppremjati għall-esperjenza tagħkom. Wieħed jistenna’ li tgħaddu t-tajjeb li għamiltu lil dawk ġodda fostkom u lil dawk li għad iridu jingħaqdu magħkom. Għaddulhom il-valuri tajbin u l-mod tajjeb kif wieħed jaħdem. Min-naħa tagħna se nwegħdukom li ser nibqgħu ninvestu fikom anke fejn jidħlu kundizzjonijiet, bħalma tafu kollha gawdejtu mill-ftehim kollettiv, filwaqt li nibqgħu nbidlu fejn meħtieġ. Komplu aħdmu favur riabilitazzjoni ġenwina.”
Byron Camilleri – Ministru
Il-Kap Eżekuttiv Christopher Siegersma qal li l-ħabsijiet mhumiex sempliċiment faċilitajiet biex jilqgħu fihom lil minn iwettaq reat, iżda opportunità biex jiġu riformati u riabilitati biex isiru membri aħjar tas-soċjetà. Qal li huwa importanti li wieħed jiftakar li l-persuni fil-ħabs li qegħdin fil-kura tal-uffiċjali huma bnedmin li jeħtieġu kompassjoni, speċjalment fi żmien fejn huma vulnerabbli.
“Irridu nirrikonoxxu li intom is-sinsla ta’ din l-aġenzija, u huma l-isforzi bla heda tagħkom li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawk fil-kura tagħna. Filwaqt li nwegħdkom l-appoġġ kontinwu, se nkompli niżgura li jkollkom ir-riżorsi meħtieġa biex twettqu d-dmirijiet tagħkom bl-aħjar mod possibbli,” temm jgħid is-Sur Siegersma.
Intant, fi stqarrija intqal li ġiet miġbuda l-attenzjoni tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, li fost il-persuni li ngħataw din il-midalja kien hemm persuna li bħalissa għaddejja bi proċeduri fil-Qorti.
Minnufih il-ministru ta ordni lill-uffiċjal kap eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi sabiex hi titneħħa minn fuq il-lista li ser tkun ippubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern u n-nominazzjoni tagħha għalhekk tkun sospiża pendenti l-proċeduri fil-Qorti.
Il-ministru talab ukoll lis-segretarju permanenti fi ħdan il-ministeru sabiex jeżamina kif sar dan il-proċess u jieħu d-deċiżjonijiet li jidhirlu li huma xierqa.