Niċċelebraw Team Malta.
Attività għal kulħadd biex insellmu lill-atleti kollha li kienu parti mill-kontinġent Malti li pparteċipa fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023.
F’dan il-logħob l-atleti ħarġu lil Malta bl-unuri u għalhekk issa jmiss lilna l-Maltin u l-Għawdxin kollha biex niċċelebraw il-kisba tagħhom.
Nhar l-Erbgħa, mis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem, kulħadd huwa mistieden għal spettaklu kbir u bla ħlas fi Pjazza Kastilja, il-Belt.
Waqt li bħalissa għaddejjin il-preparamenti għal din iċ-ċelebrazzjoni mistħoqqa, ONE News iltaqa’ ma’ Ron Briffa, li f’din il-lejla se jkun il-preżentatur.
Huwa tana togħma ta’ x’se jiġri u appella lil kulħadd biex jattendi.
Ron Briffa qal “Aħna nħeġġu lil kulħadd jattendi. Hija attività għall-familja kollha. Hawnhekk, fi Pjazza Kastilja, se jkun hawn ħafna mużika. Se niltaqgħu mal-atleti. Huwa mument ukoll li nistgħu nħarsu lejn l-atleti u nużawhom bħala eżempju għaliex nafu li, jekk naħdmu bħalhom, se jkollna r-riżultati u nieħdu l-okkażjoni li nifirħulhom wiċċ imb wiċċ.”
Tkellimna wkoll mal-kantanti Aidan Cassar u Amber Bondin, li kantaw il-kanzunetta uffiċjali ta’ dan il-Logħob, bl-isem ta’ ‘Shine Your Light.’
Huma wkoll stiednu lill-kulħadd sabiex l-Erbgħa filgħaxija jiġu l-Belt biex, flimkien, niċċelebraw lil Team Malta.
Mhux se jonqos il-logħob tan-nar u projezzjonijiet sbieħ mal-Berġa ta’ Kastilja.
“Spettaklu kbir fejn flimkien se niċċelebraw lil dawn l-atleti u r-riżultat sabiħ illi ġabu. Ħafna mużika: se jkun hemm jiena, Aidan, DJ David Cuschieri, u anke Ziggy, u nemmen li l-mużika se tgħaqqadna bħalma għaqqadna dan ir-riżultat sabiħ li ġabu l-atleti kif ukoll it-tim Malti kollu kemm hu. Flimkien se ngħidulhom grazzi ta’ dan il-mument sabiħ illi se nkomplu ngħaddu minn dan il-mument nhar l-Erbgħa li ġej.”
“Kemm jekk mużika, kemm jekk sports, ejja ningħaqdu biex nissapportjaw dak kollu li jagħmilna Maltin. Se jkun hawn spettaklu mill-aqwa. Lestu ruħkom għax se tieħdu gost żgur.”