Il-Gvern se jinvesti €7 miljun fuq medda ta’ tliet snin bi ftehim li sar bejn l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Fondazzjoni ALS Malta, immexxija minn Bjorn Formosa.
Dan il-ftehim, imħabbar mill-Ministru Julia Farrugia Portelli, se jara li Dar Bjorn tkompli tkabbar il-firxa ta’ servizzi lil persuni b’diżabilitajiet diversi.
Permezz ta’ dan il-ftehim se jkunu qed jibbenefikaw 30 persuna f’Dar Bjorn 2 f’Ħaż-Żebbuġ, li nfetħet ftit ġimgħat ilu mill-Prim MInistru Robert Abela. Dan apparti mill-fatt li l-Fondazzjoni diġà toffri 13-il sodda oħra f’Dar Bjorn, Ħal Qormi.
F’konferenz tal-aħbarijiet intqal li l-Fondazzjoni ALS Malta hija impenjata li toffri servizz fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum lir-residenti u tipprovdihom bi programm ħolistiku li jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom, inkluż kura residenzjali, u assistenza fl-aspetti mediċi, soċjali, u psikoloġiċi fost oħrajn.
Hawnhekk se tingħata prijorità lil persuni b’diżabilità minħabba kundizzjonijiet newroloġiċi severi bħal ALS, Multiple Sclerosis, Parkinsons Disease, Cerebral Palsy, Huntington’s Disease, u kundizzjonijiet severi marbutin ma’ puplesija, fost oħrajn.
L-Iffirmar tal-ftehim sar mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Nancy Caruana, minn Bjorn Formosa għall-Fondazzjoni ALS Malta, u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.