Fil-Qorti beda l-ġuri fil-konfront ta’ Anthony Bugeja, ta’ 55 sena, minn Marsaxlokk, u Piero Di Bartolo, ta’ 49 sena, li joqgħod Birżebbuġa, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Albert Brian Rosso f’Marsaxlokk.
L-omiċidju seħħ fl-10 ta’ Ottubru tal-2005 barra d-dar ta’ wieħed mill-akkużati. Il-katavru tpoġġa fi xkora u ntrema fil-baħar ħdejn il-Port Ħieles.
Mill-kumpilazzjoni tal-evidenza, il-Prosekuzzjoni kienet qalet li dan il-qtil seħħ b’rabta ma’ diżgwid fuq dgħajsa tas-sajd li kienet tal-vittma u ta’ Bugeja, waqt li Di Bartolo kien jaħdem fuqha.
Intqal li l-każ seħħ meta ltaqgħu fid-dar ta’ Bugeja biex jiddiskutu xi problemi fin-negozju, żviluppa argument. Inġiebet arma tan-nar u ġew sparati diversi tiri lejn Rosso.
L-ewwel li telgħet tixhed kienet is-Supretendent Louise Calleja, li dak iż-żmien kienet tieħu ħsieb diversi rapporti dwar persuni li jiġu rrapportati nieqsa.
Qalet li kien daħal rapport fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar minn Maria Rosa Rossa, li rrapportat li żewġha ma kienx mar lura d-dar.
Fir-rapport tagħha, mart il-vittma qalet li ppruvat tagħmel kuntatt miegħu imma kien kollu għalxejn. Kienet marret ħdejn it-Torri ta’ San Luċjan, Marsaxlokk, fejn kien jaħdem, u tkellmet ma’ uffiċjal tas-sigurtà li, iżda qalilha li ma kienx rah.
Qalet li l-Pulizija bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom u anki evalwaw il-filmati tas-sigurtà tat-Torri.
Mill-aħħar movimenti tal-vittma ħareġ li huwa kellu pouch iswed, li fih kien iżomm pistola minħabba li kien imbeżża’ li kien se jiġrilu xi ħaġa.
Is-Supretendent Calleja qalet li ġimgħa wara li deher għall-aħħar darba, instabet il-vettura tal-vittma, f’Ħal Għaxaq.
Intqal li uffiċjali tal-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettqu tfittxija fil-baħar, permezz ta’ għaddasa, u koprew iż-żona minn Birżebbuġa sa San Pawl il-Baħar.
Hija xehdet li, minn informazzjoni li kellha l-Pulizija, Rosso nqatel fil-garaxx ta’ Anthony Bugeja. Mill-investigazzjonijiet kienu nstabu xi demm u għafsa fuq il-bieb tal-garaxx, u l-art kienet inħaslet.
F’dan l-ewwel jum, xehdu aktar individwi li dakinhar kienu uffiċjali tal-Pulizija.
Ħareġ li l-aħħar telefonata li għamel il-vittma kienet ma’ Anthony Bugeja u wara dik it-telefonata, l-ebda waħda ma twieġbet.
Intqal li l-vittma kien mar fl-uffiċċju tal-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar, u qallu li kien imbeżża’ għax kien qed jiġi mhedded mill-Isqallin minħabba li kien ta informazzjonali lill-pulizija Sqallin fuq xi kriminalità.