L-Assoċjazzjoni Maltija tad-darts organizzat is-serata annwali tal-unuri l-Ġimgħa filgħaxija fejn klabbs u plejers ġew ippremjati għal dak li rnexxielhom jagħmlu tul l-istaġun li għadu kemm spiċċa.
Floriana Ajax rebħu l-kampjonat 8-a-side tal-Ewwel Diviżjoni filwaqt li Banda Birżebbuġa kisbu suċċess fit-tieni diviżjoni b’Birgu Boċċi Club fl-ewwel parteċipazzjoni tagħhom rebħu l-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni.
Ħamrun Education kisbu żewġ unuri hekk kif rebħu l-kampjonati tal-4-a-side u 5-a-side
Il-Men’s Doubles ntrebaħ minn Enrico Scerri u missieru Albert.
Sadanittant fl-unuri individwali Norbert Attard u Althea Ciantar rebħu l-Premier League of Darts fil-kategorija rispettiva tagħhom.
Enrico Scerri u Althea Ciantar rebħu s-Super Cup tal-irġiel u tan-nisa rispettivament
Albert Scerri rebaħ il-plejer tas-sena overall min-naħa tal-irġiel b’Althea Ciantar li kompliet tkaxkar aktar unuri wara li rebħet is-sezzjoni tan-nisa.
Finalment Norbert Attard kiseb l-unur tal-aqwa plejer tal-Ewwel Diviżjoni , Stephen Grima u Carmelo Vella ħadu l-aqwa plejers tat-tieni diviżjoni filwaqt li Tony Tonna u Chris Bailey kienu l-aħjar plejers tat-tielet diviżjoni.
Il-president tal-MDA Roderick Zammit flimkien mas-segretarju ġenerali tal-MDA Alex Arena, is-segretarju ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi u s-segretarju ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham ippreżentaw it-trofej lir-rebbieħa.