Aidan Buttigieg ta’ D Sports Lab u Diana Muscat tat-Team Greens komplew bir-rebħ anke fit-tieni tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Triq organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. F’temp sabiħ, Aidan Buttigieg bħalma għamel fl-ewwel tiġrija reġa spiċċa l-ewwel fil-Kategorija Elite, filwaqt li Diana Muscat rebħet wkoll il-Kategorija riservata għan-Nisa’, liema tiġrijiet saru nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju 2023 fiċ-ċirkwit ta’ Ta’ Xħajma, fin-Nadur, Għawdex. Għalhekk kemm Buttigieg, kif ukoll Muscat jinsabu jillidjaw il-klassifika ġenerali b’punti massimi. L-Elite, Under 23 u Juniors għamlu 12 il-dawra (48km), in-Nisa u l-Masters għamlu 8 dawriet, filwaqt li l-Under 16 għamlu 4 dawriet, l-Under 14 għamlu 3 dawriet u l-Under 12 għamlu dawra waħda.
Aidan Buttigieg spiċċa l-ewwel fl-Elite meta temm it-tiġrija tiegħu għal darb’oħra fi sprint finali mill-isbaħ fejn irnexxielu jgħaddi fl-aħħar b’nofs rota lil Bernard Galea (Agones Afc). Il-ħinijiet kemm ta’ Buttigieg, kif ukoll ta’ Galea kien ta’ 1:20:01. Fit-tielet post spiċċa Pierre Borg ta’ Mosta CC (1:24:07). It-tiġrija tan-Nisa ntrebħet minn Diane Muscat tat-Team Greens li temmet it-tmien dawriet tagħha f’ħin ta’ 1:12:09.
Luke Borg ta’ The Cyclist rebaħ il-Kategorija Under 23 f’ħin ta’ 1:24:07 fi sprint ieħor ecitanti quddiem Stefan Scerri ta’ Gozo CC li spiċċa fit-tieni post u Clyve Chetcuti ta’ Mosta CC li daħal fit-tielet post bl-istess ħin. Kristina Spiteri ta’ The Cyclist rebħet il-Kategorija Under 23 Feminili f’ħin ta’ (1:29:59). Fit-tieni post spiċċat seħbietha Veronique Pace Axiaq f’ħin ta’ (1:35:03).
Il-Kategorija Masters 40+ irriżultat f’waħda dominata minn ċiklisti tat-Team Greens, b’ Luis Joaquin Rojas Guzman jirbaħ f’ħin ta’ (1:03:07). Warajh daħlu rispettivament bl-istess ħin ta’ 1:06:04, Nicholas Schembri tat-Team Greens u David Cushing ta’ B’Kara St Joseph.
l-Isqalli Massimo Rubino ta’ Libertas Florida rebaħ il-Kategorija Masters 50+ f’ħin ta’ 1:03:07. Hu kien segwit rispettivament minn Sqalli ieħor, Francesco Capello ta’ Sport Web Sicilia (1:04:50) u Steven Andrew Bell ta’ The Cyclist (1:09:04).
Matthew Galea ta’ Gozo CC rebaħ il-Kategorija tal-Juniors (2:20:18), filwaqt li Ryan Gatt ta’ The Cyclist rebaħ il-Kategorija tal-Under 16 (0:33:55) quddiem Chylen Fava ta’ Gozo CC (0:35:35) u Ishmael Grima ta’ D Sports (0:38:51).
Ethan Grech ta’ Mosta CC rebaħ il-Kategorija tal-Under 14 (0:27:04) quddiem sieħbu Samwel Attard u Matthion Cini ta’ Gozo CC. Isaac Buttigieg ta’ Shamrock Stars rebaħ il-Kategorija tal-Under 12 (0:04:29) quddiem sieħbu Neil Cassar u Benjamin Bugeja ta’ Mosta CC. Nina Debono ta’ Shamrock Stars rebħet il-Kategorija tal-Under 12 Tfajliet 0:04:31.
Fi tmiem din it-tiġrija saru l-premjazzjonijiet tal-medalji minn John Zammit u Joe Bajada, President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. It-tiġrija li jmiss ser tkun it-tielet u l-ahhar waħda mill-Kampjonat tat-Time Trial fit-telgħa ta’ San Martin nhar il-Ħadd 16 ta’ Lulju 2023.
Photo Credit: Alexandra Madeley