Azzjoni immedjata mill-Pulizija wasslet biex ġie arrestat żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Marsa li allegatament inqabad fil-fatt jisraq minn ħanut.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel suspettuż liebes hoodie u maskra f’ħanut fi Triq Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u kif daħlu fil-ħanut sabu lill-kaxxiera, li kienet tidher imbeżża, kif ukoll lir-raġel.
Ir-raġel mill-ewwel ħareġ jiġri ‘l barra bil-Pulizija ġrew warajh u bdew ituh ordnijiet biex jieqaf iżda huwa injora l-ordnijiet.
Il-Pulizija rnexxielha taqbdu imma hu baqa’ jirreżisti.
Waqt li kien qed jirreżisti innutaw li kellu sikkina fuqu, u għalhekk kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u jiġi arrestat.
Minn stħarriġ li sar ħareġ kif l-akkużat hedded lill-kaxxiera, mara ta’ 27 sena, b’sikkina u talabha l-flus, iżda f’dak il-ħin waslu eżatt il-Pulizija.
Ħadd ma weġġa’ filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.