Wara vjaġġ xejn feliċi ta’ tliet snin kimoterapija, Luca Piccione lesta t-terapija għal-lewkimja.
Fi tmiem ġimgħa ta’ ħafna emozzjonijiet, poġġejna ma’ Luca u l-familja tiegħu, biex nisimgħu storja ta’ ħafna tbatija, iżda fuq kollox kuraġġ.
Omm Luca qaltilna li kollox beda f’April tal-elfejn u għoxrin, meta pajjiżna kien għadu kemm inħasad bl-ewwel każijiet tal-Covid-19.
Roberta qalet, “F’April tat-2020, meta Luca kellu seba’ snin, bdew jiżviluppawlu tbenġil madwar ġismu. Fi ftit ħin, bdejt ninduna li t-tbenġil żdied u ddeċidejna li nniżżluh l-Emerġenza. Hemm ħadulu t-test tad-demm u l-għada filgħodu qaluli li t-tifel għandu l-lewkimja.”
Minn hemm, beda vjaġġ twil ta’ tliet snin kura, li t-tmiem tiegħu, ħadd ma jkun jafu.
Roberta qaltilna, “Kultant kont inħossni qed naqta’ qalbi, anki kien hemm żmien eżempju fejn it-tifel kont narah qisu sejjer lura, ma baqax jimxi, waqagħlu xagħru, dejjem għajjien, kont naqta’ qalbi.”
Din il-ġimgħa, Luca kellu t-tnejn u għoxrin, u l-aħħar, trattament tal-kimoterapija f’dahru.
Hu qal, “L-iskola għamluli qisu party kbir għalija, xi ħaġa li qatt mhu se ninsa, u kien hemm ħafna tfal anki tfal li ma nafx, u eżatt meta mxejt fuq ir-red carpet, daqqejt qanpiena u wara kien hemm xi rigali.”
Issa li l-agħar għadda, Roberta qaltilna li qed tħares ’il quddiem għal żmien isbaħ, fejn tista’ tgawdi mumenti mal-familja kollha, hekk kif iż-żmien li qatta’ Luca l-isptar, żammha ’l bogħod mir-raġel u ż-żewġt itfal l-oħra tagħha.
Fil-fatt, meta saru jafu li Luca għandu l-lewkmija, oħtu ż-żgħira kien għad kellha biss tmien xhur.
Bi tbissima fuq fommha, Roberta qaltilna kemm huwa vera li l-kuraġġ nofs il-fejqan, u issa trid twassal dan il-messaġġ hi wkoll biex tagħmel kuraġġ lil familji oħra li qed jaffaċċjaw sfidi simili.
Hi stqarret, “Eżempju darba partikolari, ġie tabib u qallu, jien bħalek kont meta kont żgħir u llum jien tabib. Dak iż-żmien kemm ir-raġel u kemm jien, konna nċemplu lil xulxin u ngħidu x’ġara. L-għada kont inqum vera qisni persuna differenti, b’tama, kien ikolli kuraġġ insajjar, kien ikolli kuraġġ inkompli bil-ħajja u nagħmel anki pjanijiet għall-futur, u kont ngħidlu ’l quddiem, Luca, meta xi darba tfieq, nippruvaw aħna nkunu ta’ kuraġġ għal ħaddieħor, għaliex min ikun għaddej minnha naħseb l-ikbar għajnuna li tista’ tagħtih, il-kuraġġ.”
Luca kommess li jagħmel l-istess, b’risq tfal oħra morda.
Hu qalilna, “Nixtieq li nitolbu għalihom u nagħmlulhom ħafna kuraġġ.”