Il-lejla Alex Borg reġa kellu wirja stupenda matul it-tieni sessjoni tal-lum tal-kompetizzjoni tas-6 Reds waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija. Huwa għeleb lil Gary Milne biex issa jinsab fost it-tmien players li għaddew għal kwarti finali.
L-avversarju ta’ Borg il-lejla kien l-Ingliż li bieraħ filgħaxija tilef waqt il-finali tal-kategorija tas-seniors. Dan il-konfront tal-aħħar 16 svolġa f’wieħed bilanċjat mill-bidu sat-tmiem u ġie deċiż fis-seba’ u l-aħħar frame. Mill-bidunett Milne fetaħ fil-vantaġġ pero’ Borg dejjem żamm il-pass u dejjem ġab id-draw. Milne u Borg alternaw fir-rebħ frames u b’parita’ ta’ 3-3 wara s-sitt frame, l-logħba marret għal frame deċiżiv. Fl-aħħar frame Milne fetaħ vantaġġ ta’ 15 -il punt pero’ Borg għamel 14 -il punt u seta’ għalaq qabel pero’ falla milli jippottja il-boċċi r-roża. Ftit wara Milne reġa ċans lil Borg fejn ippottja r-roża li kienet ftit diffiċli u fetaħ vantaġġ ta’ seba’ punti. F’dan il-każ Milne seta’ biss jġib il-punteġġ indaqs u terġa titla s-sewda pero’ kien Borg li ppottja l-aħħar boċċa biex għalaq il-logħba 4-3.
Għada filgħodu Alex Borg fil-kwarti finali jilgħab kontra Ingliż ieħor, Wayne Brown. Din il-logħba ser tibda fid-9 a.m. ħin ta’ Malta u tintlagħab l-aħjar minn seba’ frames.