Meta indirizza l-111-il Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol organizzata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, għamel referenza għall-għajnuna li ngħatat mill-gvern Malti biex jiġu megħjunin il-ħaddiema u dawk l-aktar vulnerabbli waqt il-pandemija u anki issa, quddiem il-pressjoni internazzjonali fuq il-prezzijiet ikaġunata mill-gwerra fl-Ukrajna. Huwa rrefera wkoll għall-passi sinifikattivi li ttieħdu f’pajjiżna fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni.
Meta indirizza l-plenarja tal-Konferenza f’Ġinevra, l-Iżvizzera, Josef Bugeja semma li, matul l-aħħar 10 snin, f’Malta kemm il-pensjonijiet kif ukoll il-benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji żdiedu fuq bażi annwali. Barra minn hekk, il-Gvern daħħal it-tieni mekkaniżmu għall-aġġustament tal-għoli tal-ħajja, speċifikament għal dawk l-aktar vulnerabbli f’dik li hu rrefera għaliha bħala struttura li tassigura li dawk l-aktar vulnerabbli jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti.
Dan minbarra għajnuniet oħra. Huwa fakkar fir-reżiljenza ta’ pajjiżna fi żmien l-isfidi internazzjonali bħalma kienet il-pandemija. Semma kif il-gvern Malti f’dawn iż-żminijiet irnexxielu jkun ta’ spalla għan-nies, b’inċentivi bħalma kien il-Covid Wage Supplement, li serva biex jgħin kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem.
Semma wkoll l-għajnuniet sostanzjali li qed jingħataw biex il-Gvern jassorbi ż-żidiet internazzjonali fil-prezzijiet tal-fjuwils, tal-elettriku, tal-ilma, taċ-ċereali. Madankollu, minħabba l-qagħda internazzjonali, prezzijiet oħra qed iwasslu għal żieda fl-inflazzjoni tal-pajjiż, li qiegħda titqies bħala sfida maġġuri.
Semma wkoll id-diversi leġiżlazzjonijiet maħsubin biex jagħtu dinjità lill-ħaddiema. Fost dawn kien hemm, fost l-aktar riċenti, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u liġi ġdida li tipproteġi lill-ħaddiema tal-pjattaforma.
Din is-sena l-konferenza tal-ILO għandha t-tema “Navvanzaw il-Ġustizzja Soċjali” u ddiskutiet it-tranżizzjoni ġusta, l-apprendistat, u l-protezzjoni tax-xogħol.
Bugeja appella biex orgnizzazzjonijiet internazzjonali, gvernijiet, trejdunjins, għaqdiet mhux governattivi, min iħaddem u individwi għandhom jingħaqdu biex jimbottaw favur aktar ġustizzja soċjali.
Huwa qal li l-ġustizzja soċjali tinkorpora l-problema tal-faqar, il-ġustizzja razzjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, id-drittijiet tal-immigranti, il-ġustizzja ambjentali, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u l-governanza tajba.