Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, għamel żjara fl-Istitut tat-Taħriġ tal-Migration Capacity Partnership fil-Mediterran. L-Istitut tat-Taħriġ huwa ffinanzjat minn Malta, id-Danimarka, l-Awstrija, u l-Unjoni Ewropea, u jinsab il-Furjana.
Hemmhekk, seta jara l-ħidma li qed issir biex tiġi implimentata l-viżjoni komuni taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika tal-Migrazzjoni (l-ICMPD) u Malta.
L-Istitut tat-Taħriġ jipprovdi taħriġ professjonali u rikonoxxut lil nies involuti fil-qasam tal-migrazzjoni, li jvarjaw minn uffiċjali tal-gvernijiet u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi sa nies involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u oħrajn li għandhom influwenza fuq l-opinjoni pubblika.
Il-Ministru Borg saħaq li pajjiżna huwa kburi bl-impenn tiegħu biex imexxi din l-inizjattiva ’l quddiem, bħala promotur ta’ sħubija ta’ benefiċċju reċiproku u ta’ bidla pożittiva fil-Mediterran.
Il-Ministru tkellem dwar l-importanza li dan l-Istitut tat-Taħriġ, li jħaddem madwar 40 professjonist. Huwa qal li dan iċ-Ċentru jagħti viżibilità pożittiva lil Malta f’settur daqstant importanti.
“Rajna kif l-Istitut qed jipprova u jagħmel ħiltu sabiex jimraħ lil hinn minn pajjiżna, però pajjiżna se jibqa ċ-ċentru ta’ kollox f’dak illi jagħmel u allura l-appoġġ ta’ gvernijiet oħrajn, il-Kummisjoni Ewropea, li jikkontribwixxu f’dan ir-rigward kienet li stajt napprezza meta żort dan l-istitut.”
Bħalissa, dan l-istitut qed joffri iktar minn 20 kors li huma akkreditati mal-Malta Further & Higher Education Authority, u li qed isiru minn professjonisti speċjalizzati.