Fil-jiem li ġejjin se tibda r-rilokazzjoni tal-anzjani mid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla għal Djar oħrajn tal-għażla tagħhom.
Kienu l-anzjani stess, jew qrabathom, li għażlu f’liema dar oħra tal-anzjani jixtiequ jmorru sakemm fuq id-Dar ta’ Bormla jsir xogħol estensiv li jiggarantixxi li r-residenti jgħixu f’ambjent bla periklu u tal-istandard li jixraq lid-dinjità tagħhom.
Żvela dan il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, li ma’ ONE News spjega l-aħħar dettalji dwar is-sitwazzjoni ta’ din id-dar.
“Qed nirrilokaw lil iwn ir-residenti. Il-proċess se jsir tul dawn il-ħmistax li ġejjin. Ir-residenti kważi kollha qed jifhmu l-problema li hemm f’din id-dar u għażlu postijiet fejn jixtiequ jmorru. Kif għidna, aħna qed nikkommettu ruħna li noffru postijiet fin-nofsinhar ta’ Malta.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela
Dwar l-applikazzjoni li hemm quddiem l-awtoritajiet sabiex isir ir-rinnovar tad-dar tal-anzjani, il-Ministru Abela qal li din qed tingħata prijorità.
“Nerġa’ ngħid li d-Dar fejn qiegħda llum, hemmhekk se jkun hemm Dar ’il quddiem, u ninsab infurmat li hemm fast-track fuq il-proċess tat-tender mad-Dipartiment tal-Kuntratti. Jiġifieri importanti li ngħidu li se jkun hemm Dar ta’ standards kif jixraq lil kull ċittadin f’pajjiżna.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela
Quddiem gideb li ġej, fost l-oħrajn, mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Ministru Abela kien ċar.
“Aħna li ma nixtiqux hu li jkun hemm insinwazzjonijiet u gideb li jinkwetaw lil dawn ir-residenti fuq xi ħaġa li għandhom dritt għaliha. Ir-residenti għandhom dritt għal kura ta’ kwalità u aħna ma nistgħux noqogħdu lura u ma noffrux din it-tip ta’ kura.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva ta serħan il-moħħ li l-ebda ħaddiem tas-saħħa mhu se jispiċċa mingħajr impjieg wara li ssir ir-rilokazzjoni tar-residenti u d-Dar tal-anzjani tingħalaq sabiex eventwalment tiġi isbaħ, aħjar, u aktar sikura.
“M’hemmx għalfejn li xi ħadd jitlef l-impjieg tiegħu. Kulħadd jaf li f’pajjiżna, bħal pajjiżi oħra, hemm bżonn kbir ta’ ħaddiema tas-saħħa, jiġifieri ma jistax ikun li jkun hemm ħaddiema tas-saħħa li nħalluh mingħajr xogħol.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela
Ta’ min ifakkar li rapport li sar wera li r-residenza tinsab fi stat ta’ periklu, b’bosta nuqqasijiet li ma jistgħux jiġu solvuti b’soluzzjonijiet kożmetiċi.
Kien għalhekk li kellha tittieħed deċiżjoni għaqlija mill-Gvern li tissalvagwardja s-saħħa u s-sikurezza tal-anzjani residenti fiha.