Ilbieraħ waqt l-ħames jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija l-logħob kien iddominat mill-kompetizzjoni tas-6 Reds fejn saru l-logħbiet kollha tal-gruppi.
Mill-erba’ Maltin li ħadu sehem Alex Borg u Arthur Cachia rrnexxielhom jgħaddu għar-round li jmiss li huwa dak tan-knock out.
Alex Borg kien l-ewwel Malti li lagħab u kkwalifika wara rebħiet fuq il-Bulgaru Dimo Angelov u Berat Jashari tal-Maċedonja ta’ Fuq rispettivament. Huwa rebaħ iż-żewġ logħbiet bi skor identiku ta’ 4-1. Illum (fin-nofs n-nhar ħin ta’ Malta) Borg fir-round tal-aħħar 32 ser jilgħab kontra l-Iskoċċiż Lee McAllister li nhar it-Tlieta diga’ lagħab miegħu fl-ewwel logħba tal-Gruppi tas-Seniors.
Arthur Cachia kkwalifika wkoll wara li rrnexxielu jirbaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu wkoll.
Fl-ewwel waħda kontra t-Taljan Tiziano Guerra ma tantx kellu passaġġ iebes fejn rebaħ bil-punteġġ ta’ 4-1 iżda l-istorja kienet totalment differenti kontra l-Polakk Marcin Nitschke. Filfatt Cachia sab ruħu 3-1 minn taħt iżda ma qatax qalbu u bil-kalma u d-determinazzjoni rebaħ tliet frames wara xulxin u dawwar ir-riżultat favur tiegħu għal skor finali ta’ 4-3. Issa Cachia, illum (fin-nofs n-nhar ħin ta’ Malta), irid jilgħab f’round preliminari qabel jasal mal-aħħar 32. Huwa tela’ biex jilgħab kontra l-Polakk Pavel Rogoza.
Aaron Busuttil tilef kontra l-Belġjan Pascal Tollenaere 4-2 li kienet tfisser l-eliminazzjoni mill-ewwel għal Malti peress l-Belġjan kien diġa’ rebaħ l-ewwel konfront. Busuttil aktar
tard fit-tieni l-logħba ftit sab oppożizzjoni minn Markeliano Dibra tal-Albanija u ħareġ rebbieħ 4-0.
Philip Ciantar kellhu l-istess xorti ta’ Busutill peress li tilef l-ewwel logħba tiegħu ma’ plejer li kien diġa lagħab u rebaħ l-ewwel konfront aktar kmieni. L-avversarju ta’ Ciantar kien l-Irlandiż Mark Tuite li rebaħ bl-iskor ta’ 4-3. F’din il-logħba s-seba’ u l-aħħar frame seta’ mar kull naħa. Aktar tard, fit-tieni l-logħba, Ciantar iddomina għal kollox fuq ir-Rumen Cosmin Arsene u rebahlu 4-0.
Ilbieraħ saru wkoll l-ewwel żewġ finali ta’ dan il-kampjonat, dik tas-seniors mirbuħa mill-favorit Darren Morgan ta’ Wales, li għalih kienet tfisser it-tlettax-il darba li rebaħ din il-finali tas-seniors tal-E.B.S.A. Morgan kellu karriera twila bħala player professjonali, saħansitra fl-istaġuni 1994/95 u 1995/96 kien jinsab fit-tmien post tal-world rankings.
Huwa kien qaleb professjonali wara li fl-1987 kien rebaħ il-finali tal-World Amateur Championship kontra l-Malti Ġużi Grech. Il-bieraħ Morgan rebaħ kontra Inġliż Gary Milne bil-punteġġ ta’ 5-3.
Il-finali l-oħra kienet tal-kategorija tan-nisa fejn il-Belġjana Wendy Jans li matul il-karriera tagħha rebħet din il-finali erbatax-il darba, fosthom l-aħħar żewġ edizzjonijiet, ġiet megħluba minn Anna Prysazhnuka tal-Latvja. Il-finali tal-bieraħ żvolġiet f’waħda kumbattuta sat-tmiem tant li s-seba’ u l-aħħar frame tal-logħba ġie deċiż meta kien jonqos biss l-aħħar żewġ boċċi fuq il-mejda. Prysazhnuka għamlet il-boċċa r-roża u eventwalment għalqet il-logħba 4-3.