Fi stqarrija l-Partit Laburista spjega kif d-deputat tal-PN Toni Bezzina gideb fl-istqarrija li ppubblika llum wara nofs in-nhar. L-ewwelnett qal li l-applikazzjoni mhux veru tiegħu u ta’ martu biex ftit linji wara jgħid li se jirtiraha.
It-tieninett applika għal Villa bil-pool u garaxx fost l-oħrajn fuq art sekdata bħala ODZ u ta’ sbuħija naturali, qal il-PL. Hija gidba li applika biss biex jirrestawra żewġ binjiet dilapidati skont xi policy tal-Awtorità tal-Ippjanar. Fil-verità ried jeqred medda ta’ art ODZ għall-gwadann personali.
L-istqarrija tgħid li l-applikazzjoni għamilha waqt li kien ma’ Busuttil jikteb dokument dwar l-ambjent. Bħal dejjem għall-PN, dak li jgħidu u dak li verament jemmnu hemm baħar jaqsam. Issa bil-provi.
Toni Bezzina għamilha ċara li l-applikazzjoni mhux se jirtiraha għax jemmen li għamel xi ħaġa ħazina, imma għax inqabad fil-fatt.
Dwar l-ambjent l-ipokrezija ta’ Busuttil ħarġet f’dan il-każ, sostna l-Partit Laburista
Il-PL temm jgħid li l-każ mhux se jieqaf hawn.