Bejn Lulju u Awwissu tas-sajf li għadda, inġabru mas-6 kilos sigaretti mill-bajjiet Maltin, permezz tal-hekk imsejjħa ballot bins.
Għat-tieni sena konsekuttiva, kull min igawdi l-baħar dan is-sajf m’għandu ebda skuża valida biex jiddisponi mil-loqom tas-sigaretti fil-bajja jew fil-baħar. Bħala parti mill-kampanja Saving Our Blue, ġew installati ballot bins għal loqom tas-sigaretti f’53 post f’diversi bajjiet f’Malta, f’Għawdex u f’Kemmuna: żieda ta’ 13-il ballot bin fuq is-sena li għaddiet.
Kull kontenitur għandu mistoqsija b’tema ambjentali, u żewġ tweġibiet.
Il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ li jarmi l-loqom tas-sigaretti taħt it-tweġiba preferuta, u b’hekk ikun qed jgħin biex inaqqas l-iskart, filwaqt li jipparteċipa fi stħarriġ.
Il-loqom tas-sigaretti mormija fil-kontenituri jintiżnu biex b’hekk il-pubbliku jkun mgħarraf kemm ġew iffrankati effetti negattivi fuq l-ambjent. Il-kontenituri jitnaddfu u jintiżnu kull ġimgħatjen.
Individwi, negozji, NGOs u organizzazzjonijiet oħra li huma interessati jipparteċipaw f’din il-kampanja ambjentali jistgħu jikkuntattjaw lill-Ministeru għall-Ambjent fuq il-paġna ta’ Facebook u ta’ Instagram ta’ Saving Our Blue.
Il-logħob il-ġodda flimkien ma’ informazzjoni dwar din il-kampanja jinsabu fuq www.savingourblue.gov.mt.
Aqra aktar: