Wara li nqabad li ried jeqred biċċa art ODZ bi żvilupp lussuż għall-gwadan personali, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina issa qed jgħid li se jkun qed jirtira l-applikazzjoni tiegħu.
Fi stqarrija permezz tal-Partit Nazzjonalista Bezzina ddefenda l-applikazzjoni tiegħu, għax skond hu kien se jagħmel biss restawr u li kollox kien skond il-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar. għalkemm imbagħad qal li xorta waħda se tkun irtirata l-applikazzjoni li saret fuq isem martu.
Mitlub jikkummenta dwar dan l-iżvilupp l-Editur tal-ġurnal KULLĦADD, Aleander Balzan, qal li Toni Bezzina qed jaġixxi b’konvenjenza politika għax inqabad.
“Il-verità hi li Toni Bezzina ma jemminx dak li kiteb fid-dokument dwar l-ambjent tal-Partit Nazzjonalista. Li kieku kien jemmen li ODZ is ODZ ma kienx japplika biex taħt l-Imdina jibni villa bi swimming pool f’żona li hi saħanstira protetta,” qal Balzan li żied jgħid jekk hemm xi ħaġa pożittiva f’dan kollu hi li l-gazzetta KULLĦADD se tkun ir-raġuni għaliex żona ambjentali mill-isbaħ se tkun salvata.
“Dan ma jfissirx li fil-jiem li ġejjin mhux se nippubblikaw iktar dokumenti u dettalji li juru x’irid jagħmel Toni Bezzina f’ODŻ,” qal Balzan.