Raġel ta’ 61 sena minn San Ġwann ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li weġġa ħafif lil martu waqt argument jaħraq bejniethom wara li talbitu l-flus biex tixtri xi affarjiet minn ħanut.
Quddiem il-maġistrat Nadine Lia, l-ispettur Sherona Buhagiar spjegat kif il-vittma weġġgħet ħafif meta r-raġel taha daqqa ta’ ras u konsegwentament waqgħet mal-art.
Ir-raġel ċaħad li weġġa lil martu u saħaq li taha daqqa ta’ ras bi żball wara li tagħtu qatgħa, iżda martu ċaħdet li ġara dan.
Hija qalet li r-raġel tagħha għajjat magħha wara li talbitu l-flus biex tixtri prodotti tal-ħasil. Hija kompliet tgħid li, waqt li kienet aljenata huwa taha daqqa ta’ ras fi snienha u konsegwentament waqgħet għal daharha.
Wara li l-maġistrat rat l-evidenza kollha, hija kkonkludiet li l-verżjoni tar-raġel kienet dubjuża u sabitu ħati li weġġa’ lil martu iżda mhux li heddidha. Ir-raġel ġie ordnat iżomm il-paċi għal sena sħiħa jew iħallas multa addizjonali ta’ elf ewro. Il-vittma ngħatat ukoll ordni ta’ protezzjoni kontra r-raġel.