Erbat’itfal huma midruba f’attakk b’sikkina f’Annecy, fi Franza. Fost dawn, hemm tifel ta’ nazzjonalità Ingliża.
B’kollox indarbu sitt persuni, l-inkluż l-erbat’ itfal li m’għandhomx aktar minn tliet snin. Tnejn mit-tfal u raġel qed jissieltu għal ħajjithom.
L-agressur huwa raġel Sirjan ta’ 31 sena bi status ta’ refuġjat fl-Isvezja, li m’għandux rabtiet magħrufa ma’ gruppi Iżlamiċi, skont kif ikkonfermat mill-Pulizija Franċiża. Huwa qala’ tiri f’saqajh u ġie arrestat mill-Pulizija.
Filmat li qed idur onlajn juri playground ċkejken, bil-ħajja għaddejja b’mod normali, u tfal jiġru fil-madwar, imħarsa mill-ġenituri. F’daqqa waħda jidħol raġel b’sikkina, u malajr jinstema’ ħafna għajjat. Jidher ċar li l-aggressur kien qed ifittex tfal biex jattakka – saħansittra wieħed li kien f’pushchair.