Pajjiżna hu mibni fuq l-għaqal, il-bżulija, il-flessibilità, li jaħseb għalih innifsu biex ikun aqwa u aħjar minn pajjiżi oħra. Din hija d-differenza bażika dwar fejn irid imur il-pajjiż fis-snin li ġejjin, qal il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attivita politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid.
Hemm differenza ċara ta’ viżjoni, min jemmen li dan huwa pajjiż normali, u min bħalna jemmen li dan huwa pajjiż li jista’ jagħmel ferm iktar milli jaħseb ħaddieħor u minkejja s-suċċessi kollha li kiseb, l-aħjar jiem tiegħu għadhom iridu jisbħu.
M’għandniex nikkuntentaw b’li għandna llum għaliex dik hija l-idea tal-medjokrità. L-idea ta’ Gvern Laburista huwa bil-maqlub. Muscat sostna li l-viżjoni tal-Gvern hija ta’ pajjiż li jista’ jikseb dak li fuq il-karta huwa impossibli li jinkiseb. Dan hu evidenti f’ dak li kiseb il-gvern fl-aħħar 4 snin – pajjiż li mhux talli “tema’ lill-uliedu imma li qed jitma’ lil ulied ħaddieħor miegħu”.
Dak li deher impossibli, ksibnih u kapaċi niksbu iktar
Fuq il-karta, pajjiżna irnexxilu jikseb affarijiet li dehru impossibbli, saħaq Muscat, li qed jgħollu l-livell t’għixien t’uliedu kollha.
Il-Prim Minsitru fakkar fost oħrajn kif kull sena fl-aħħar erba’ snin il-Gvern irnexxilu jibbilanċja l-kotba tal-ekonomija, filwaqt li jnsaqqas it-taxxa lil kulħadd. Dan b’ kuntrast mal-miżuri t’ awsterita li qed jieħdu pajjiżi Ewropej.
“Illum il-ġurnata f’ pajjiżna, KULL persuna se tkun qed tħallas inqas taxxa milli kienet tħallas erba’ snin ilu.”
Kull persuna Maltija, kull negozju qed tħallas inqas kontijiet tal-enerġija milli kien iħallas erba’ snin ilu fakkar il-Mexxej Laburista.
Fejn jidħol il-qasam tas-saħħa l-Prim Ministru stqarr li jixtieq li naslu f’punt li f’din il-ġenerazzjoni pajjiżna joffri mhux biss l-aqwa kura bażika iżda li jsir ċentru ta’ kura ta’ kull mard, anka dak rari, li s’issa l-Maltin qed ikollhom isifru barra biex jikkuraw ruħhom. Stqarr li diġà bdiet il-ħidma f’din id-direzzjoni.
Fit-turiżmu, fejn pajjiżna irnexxilu jilħaq il-mira ta’ żewġ miljun turist sena qabel, jeħtieġ li mhux biss togħla l-mira ta’ turisti iżda li jittieħdu miżuri li bihom it-turisti jkunu lesti jħallsu iktar biex iżuru pajjiżna. Iżda biex dan iseħħ, Malta trid toffri prodott aħjar u għalhekk il-ħaddiema jridu jitħallsu iktar. Barra minn hekk, il-Gvern se jinvesti f’ITS ġdida fi Smart City biex iktar żgħażagħ ikunu attirati lejn din il-karriera, li se toffri pagi aħjar.
B’ rabta ma’ dan il-proġett, u l-bejgħ tas-sit oriġinali tal-ITS f’Paceville, Muscat tenna li pajjiżna daħħal l-ikbar ammont ta’ flus għal negożju ta’ art li qatt ra’ pajjiżna, bi stima indipendenti magħmula minn nies professjonisti u bla indħil. Din turi differenza enormi mill-prezzijiet li bihom kienu jinbiegħu qabel l-artijiet, bħal Smart City.
Dan il-pajjiż għandu bżonn dan il-Gvern
Is-sena d-dieħla, il-Partit Laburista se jiġi b’umiltà jitlob mandat ieħor. Deċiżjoni li għandha tittieħed mhux biss fuq dak li għamel il-gvern, saħaq il-mexxej Laburista, imma fuq dak li l-gvern se jagħmel fiż-żmien li ġej.
Nafu li għad fadal il-problemi u huwa għalhekk li dan il-pajjiż għad għandu bżonn il-gvern. Problemi li nibtu mis-suċċess li nkiseb, iżda li jridu jkunu indirizzati. Fosthom kirjiet ogħla minħabba iktar barranin li qed jiġu jaħdmu f’pajjiżna, minħabba l-ġenerazzjoni t’iktar attività fin-naħa t’isfel ta’ Malta, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ art ODŻ.
Mhux eskluż regolazzjoni tas-suq tal-kera
Madanakollu Muscat saħaq li l-Gvern ħa ħsieb u ħa jibqa’ jieħu ħsieb din il-problema li tolqot lill-eluf ta’ familji. L-ewwel pass li ttieħed kien li min jikri, jħallas 20% inqas taxxa iġifieri rata umli ta’ 15%. Bil-miżura tal-baġit li għadda, din ir-rata tkompli tonqos għal min jibni postijiet għal skopijiet soċjali, filwaqt li kienet irduppjata s-sussidju tal-kera.
Iżda jekk dawn il-miżuri kollha mhux se jwasslu biex is-suq tal-kera ikun iktar raġonevoli, kontra qalbu l-Gvern se idaħħal sistema ta’ regolazzjoni tas-suq.
Taqgħux għall-provokazzjoni
Il-Prim Ministru wissa li fiż-żmien li ġej, min mgħandux ideat u qed jirrealizza li n-nies jemmnu li l-gvern għandu s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi, l-unika soluzzjoni hija li jipprovoka u jittama li xi ħadd jaqa’ għaliha.
“Meta ħaddieħor iridna nkunu irrabjati jew inkorlati għal xulxin, b’ piki, firdiet u ġlied, ir-risposta tagħna għandha tkun l-id tal-ħbiberija, it-tbissima u r-rieda t-tajba.”
Min hu konvint li jinsab fit-triq it-tajba u diġa ġab ir-riżultati, u konvint li se jikseb iktar għandu biex ikun kburi, pożittiv u konvint li jista jibqa’ jagħmel lil Malta suċċess- u dan huwa dak li għandu gvern Laburista.
“Pajjiżna f’ dawn l-aħħar erba’ snin għaraf mill-ġdid dak li jagħmlu kbir, mhux id-daqs imma l-idea, li mgħandu l-ebda sens ta’ inferjorità.”
Pajjiżna qed jerġa’ jemmen li huwa tajjeb, jekk mhux aqwa minn pajjiżi oħra stqarr il-Prim Ministru. Filwaqt li fakkar li fil-futur il-poplu irid jagħżel imurx lura għall-medjokrità jew jagħmel qabża li timmarkah għal ġenerazzjonijiet li jmiss. Qabża ta’ min jemmen li dak li nkiseb s’ issa ma jibdiex mal-kisbiet il-kbar li għadhom ġejjin.