Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, l-uffiċjali tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, ġew imsejħa biex jassistu f’aktar minn elfejn każ; li jvarjaw minn argumenti, għal spezzjonijiet fit-toroq, u arresti.
Is-sena l-oħra, l-uffiċjali minn din it-taqsima assistew f’aktar minn tlett elef u sitt mitt każ.
ONE News qatta’ għodwa ma’ dawn l-uffiċjali biex jifhem aħjar ix-xogħol tagħhom, li jinkludi rispons mill-ewwel f’każijiet ta’ emerġenza, sorveljanza u anki prevenzjoni, madwar il-pajjiż fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Fil-fatt, f’intervista ma’ dan l-istazzjon, l-Ispettur tal-RIU, Raymond Azzopardi, spjegalna d-dinamika fix-xogħol ta’ din it-taqsima.
Qal, “Bħala xogħol aħna ivarja ħafna. Jibda minn sempliċi argumenti li jistgħu jinqalgħu, sa affarijiet fejn jistgħu jidħlu armi tan-nar. Nassistu sezzjonijiet bħad-Distretti u sezzjonijiet oħra fil-Korp, u anki entitajiet oħra tal-Gvern bħall-ambulanzi, CPD, u oħrajn.”
Minn Ta’ Kandja, irkibna mal-Ispettur u Surġent mill-istess taqsima biex immorru għar-rondi li jsiru kuljum minn ħames karozzi li jkunu assenjati f’żoni differenti li jkopru ’l pajjiż kollu.
Stajna ninnutaw li f’żoni fejn jimġemgħu aktar nies, bħal pjazez u ħdejn il-banek, l-uffiċjali jwettqu r-rondi b’aktar attenzjoni.
Qal, “L-għan tal-patrol huwa ta’ deterrent jew ta’ prevenzjoni għar-reati. Ovvjament il-karozzi tagħna jidhru daqsxejn mhux ħażin u meta jgħaddu minn ċertu toroq, speċjalment fejn hemm ammont ta’ ħwienet, l-iskop huwa li jsuqu bil-mod, forsi anki jinnutaw, jittawlu ġol-ħwienet, tara li kollox sew, ovvjament diment li m’għandekx xi telefonata ta’ emerġenza.”
Il-maġġoranza tax-xogħol tar-Rapid Intervention Unit idur mas-sejħiet li jidħlu fuq in-numri tal-emerġenza, 112 u 119.
Qal, “Meta n-nies iċemplu fuq in-numru tal-emerġenza 112, il-control room tgħaddi l-informazzjoni lill-vettura li jkollha l-area assenjata għaliha u tmur fuq il-biċċa xogħol li tinqala’.”
Għadna kemm esperjenzajna każ tipiku ta’ fejn tintalab l-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fejn daħal rapport ta’ raġel li qed ikun aggressiv. Ġejna fuq il-post u stajna ninnutaw il-mod kalm u seren li bih bdew jitkellmu mar-raġel il-Pulizija, minkejja li kien qed ikun aggressiv u t-tonalità li kien qed juża, fejn anki qal kliem ħażin fil-konfront tal-Pulizija, iżda dawn irnexxielhom jikkalmawh sakemm eventwalment, ġiet l-ambulanza u ħaditu l-isptar biex jingħata l-kura li għandu bżonn.
L-Ispettur appella biex il-linji tal-emerġenza jintużaw bil-għaqal, għaliex telefonati li ma jkunux ta’ emerġenza, jistgħu jfissru ħela ta’ riżorsi għal nies li jkunu f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt.
Qal, “Min jabbuża minn dawn in-numri jkun qed itellef lil min verament għandu bżonn l-għajnuna. Ikun qed jiġbed ir-riżorsi tal-entitajiet kollha fejn ma jkunx hemm bżonn.”