Clive Micallef, ta’ 40 sena mill-Qawra li jaħdem fil-kostruzzjoni, tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ serq.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-ispetturi Godwin Scerri u Ryan Vella spjegat li fil-5 ta’ Ġunju, il-Pulizija rċeviet rapport Ii seħħet serqa minn ġo vann ipparkjat f’San Pawl il-Baħar, fejn insterqu diversi għodod u kartiera bil-karti bankarji fiha.
Waħda minnhom intużat ftit wara li sar ir-rapport tas-serqa, u l-investigazzjonijiet wasslu biex jiġi identifikat l-akkużat.
Sussegwentament, huwa ġie mitkellem dwar xi serq ieħor u ġie akkużat bihom ukoll.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għaliex iċ-ċirkostanzi juru li l-imputat għaddej minn problema serja ta’ droga, u għalkemm jidher li jrid jirriforma ruħu, jekk jinħeles jista’ jwettaq serq ieħor biex isostni l-vizzju tad-droga.
Id-difiża rrimarkat li l-akkużat għadu kemm beda jaħdem u se jibda programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga wkoll, u jekk jintbagħat il-ħabs f’dan l-istadju, jitlef l-impjieg u l-pjan tiegħu li jibda l-programm.
Il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni u talbet għal uffiċjal tal-probation biex isegwih.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI