Francis Grech, ta’ sebgħa u ħamsin sena mill-Belt, baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq diversi serqiet mill-Belt f’Mejju u f’Ġunju.
Fost l-affarijiet li seraq, kien hemm fliexken tax-xorb, handbags u flokk.
Huwa ġie mixli wkoll li fl-istess perjodu, laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, ikkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation, u kien riċediv.
Id-Difiża spjegat li l-imputat għamel li għamel għax ħareġ mill-ħabs u m’għandux dawl u ilma d-dar. L-avukat spjega li l-imputat għandu l-vizzju tad-droga u dejjem ikkollabora mal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Kevin Pulis, spjegat li fl-aħħar jiem, l-għassa tal-Belt ġiet infurmata minn diversi sidien ta’ ħwienet li kienu qed isibu diversi oġġetti misruqa mill-ħwienet tagħhom. L-Ispettur spjega li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà, li permezz tagħhom ġie identifikat l-imputat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.