Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, Josef Majri ta’ 26 sena minn Ħal Tarxien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament għamel mossa offensiva lejn il-prosekutur Andrea Zammit mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, fi stabbiliment tax-xorb f’Mejju li għadda.
Meta seħħ il-każ, Zammit kellu żewġ każijiet kontra Majri, fejn l-akkużat kien ingħata diġa l-ħelsien mill-arrest fuqhom. L-ewwel wieħed huwa ta’ sejba ta’ 9 kilogrammi droga kannabis fil-karozza tiegħu fl-2019, filwaqt li t-tieni każ jinvolvi lil Josef Majri li flimkien ma’ oħrajn kienu involuti f’każ ta’ ħasil ta’ flus li jlaħħaq il-€21,000 b’rabta mad-droga, fuq imħatri.
Il-prosekutur Zammit saħaq li ddeċieda li jagħmel rapport minħabba li kien qed jibża’ u saħaq li ma għamilx dan biex jinfluwenza l-każijiet l-oħra.
Il-Qorti ordnat protezzjoni favur Zammit u li Majri ma jersaqx lejh. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.