Għaddej xogħol fuq l-emendi għal-liġi tal-Blue Badge, fejn fost l-oħrajn se jiġu estiżi poteri ta’ infurzar u jiddaħħlu reati ġodda, speċjalment marbuta mal-falsifikazzjoni tal-Blue Badge.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, waqt li ġiet ippreżentata bir-rapport annwali tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, is-CRPD.
Il-Ministru Farrugia Portelli ikkummentatdwar il-fatt li, matul l-2022, it-taqsima tal-infurzar fi ħdan is-CRPD ġabret 171 Blue Badge illegali u kkonfiskat 110 Blue Badge foloz.
Qalet, “Spjegajt il-hidma tal-Gvern, kif fix-xhur li ġejjin se jkun hemm bidla totali f’din il-liġi u kif se nibagħtu messaġġ aktar b’saħħtu permezz ta’ penali aktar b’saħħithom dwar kif dan l-abbuż għandu jinqata’.”
Fl-2022, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità rċeviet total ta’ 694 talba għal investigazzjoni, żieda ta’ 11 fil-mija meta mqabbel mal-2021.
Minn dawn, 301 rapport kienu b’rabta ma’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà, 208 rapporti dwar allegat użu ħażin jew abbuż ta’ Blue Badge, u 88 rapport b’rabta ma’ servizzi edukattivi mogħtija mill-Istat, il-Knisja u l-privat.
Ta’ min wieħed jinnota li ġie rreġistrat tnaqqis konsiderevoli fir-rapporti marbuta mal-oqsma tal-Impjiegi u d-Djar (-33% u -38% rispettivament).
Il-Kummissarju tas-CRPD, Samantha Pace Gasan, tat ħarsa estensiva ta’ ħidmet il-Kummissjoni matul l-2022. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 kien hemm 23,400 persuna b’diżabilità rreġistrati mas-CRPD.
Qalet, “Ħdimna ħafna s-sena li għaddiet fejn jidħol awareness, anke biex inkomplu nqajmu għarfien fuq diversi suġġetti, fosthom l- intersezzjonalità, fejn ħdimna mal-komunità LGBTIQ+, biex nagħrfu li persuna b’diżabilità ukoll għandhom sesswalità u jistgħu jidentifikaw kemm b’sess differenti u anke ġeneru.”
Fl-2022 saru sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-Ugwaljanza fid-Diżabilità lil 2,250 parteċipant minn diversi entitajiet pubbliċi u privati f’Malta u f’Għawdex, żieda notevoli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.