Bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala l-Lilu King, Tuneżin ta’ 31 sena li ġie mixli fost l-oħrajn b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus, evażjoni ta’ taxxa, u involviment fi gruppi ta’ krminalità organizzata.
Spettur mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga spjega kif l-akkużat allegatament kien parti minn ċirku ta’ importazzjoni tad-droga u kif il-pulizija ffurmat task force sabiex tinvestiga din l-organizzazzjoni kriminali.
L-Ispettur xehed li, għalkemm l-akkużat kien qiegħed Malta bħala refuġjat, hu ma kien jiddikjara l-ebda dħul u ma kienx irreġistrat mal-awtoritajiet tat-taxxa, mal-VAT jew mas-Servizzi Soċjali. Hu lanqas ma kellu l-ebda proprjetà rreġistrata fuqu lanqas.
Minkejja dan kollu, hu spiss ġie osservat jilbes ħwejjeġ li lussużi u jsuq karozzi lussużi.
L-ispettur kompla jixhed li t-Tuneżin ġie arrestat meta mar biex jiffirma fl-għassa. Il-Pulizija fittxet fil-karozza li kien qed isuq l-akkużat dak il-ħin u fiha sabet flus, mobiles, u ġojjellerija.
Il-Pulizija ssoktat it-tfittxija fil-proprjetà tal-akkużat fejn instabet kwantità ta’ droga, fosthom ħaxixa, kokaina, MDMA, u ċavetta ta’ karozza Mercedes.
L-Ispettur kompla jgħid li waqt l-interogazzjoni tiegħu Elmushraty qal li huwa kien il-manager ta’ stabbiliment f’Paceville u xehed ukoll li huwa importatur tax-shisha u ta’ karrozzi mill-Olanda.
Fil-kontroeżami, l-Ispettur ikkonferma li s’issa m’hemmx akkużi speċifiċi kontra l-akkużat dwar pussess sempliċi u/jew aggravat ta’ drogi u m’għandu l-ebda każijiet pendenti relatati ma’ dan. L-avukat difensur saħaq li, għalhekk, l-ispettur ħa ġurament falz għax ma sarux akkużi dwar droga.
Wara s-sospensjoni tas-seduta, l-ispettur reġa’ kkonferma kif s’issa hemm biss provi ta’ konnessjonijiet u mhux akkużi speċifiċi ta’ traffikar min-naħa tal-akkużat.