Il-Gvern se jkompli jappoġġja l-ħidma fejjieda li toħroġ mill-volontarjat.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta ltaqa’ mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dr Abela fisser il-volontarjat bħala aspett sabiħ tas-soċjetà tagħna, waqt li nnota l-ġid kbir li jagħmel dan is-settur.
Il-Prim Ministru qal li s-settur tal-volontarjat irid jibqa’ jaġġorna ruħu maż-żminijiet u jimraħ filwaqt li l-Gvern irid ikun ta’ appoġġ billi jissimplifika proċessi għall-għaqdiet li jgawdu mill-fondi.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tat-taħriġ għal persuni li jagħtu ħinhom għall-volontarjat.
Irrimarka li n-nefqa allokata fil-Budget għal din is-sena f’dan ir-rigward żdiedet fuq is-sena ta’ qabel. Dan apparti finanzjament ta’ skemi oħra fosthom biex jiġu appoġġjati inizjattivi li jħeġġu liż-żgħażagħ ikunu involuti fil-volontarjat.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Gertrude Buttigieg, fissret is-sodisfazzjon tal-Kunsill għal din il-laqgħa mal-Prim Ministru Abela u spjegat li l-impenn tal-Gvern li jnaqqas it-taxxa dovuta fuq donazzjonijiet monetarji għandu jkun pass importanti biex ikompli jiġi inċentivat u megħjun il-qasam tal-volontarjat.
Għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm preżenti wkoll il-Ministru responsabbli mill-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli.