Esperjenza verament mill-isbaħ. Hekk jiddeskrivu l-parteċipazzjoni tagħhom fid-dsatax-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’pajjiżna l-aħwa Janet u Jacqueline Richard, li t-tnejn kienu parti mill-kontinġent Malti.
ONE News tkellem ma’ Janet Richard, li rebħet total ta’ erba’ midalji: tnejn personali u tnejn oħra bħala tim ta’ erba nisa fl-atletika. Hija qasmet magħna l-esperjenza tagħha f’dan il-Logħob.
“Dejjem unur li tirrappreżenta lil pajjiżek, u l-fatt li kienu home games, kienet esperjenza mill-isbaħ. Fl-atletika rnexxielna nirbħu ħafna midalji, jiġifieri kburija ħafna b’dan ir-riżultat u anki fl-isports l-oħra. Il-fatt li qiegħda hawn ma’ oħti, qegħdin fl-istess kontinġent, kienet esperjenza verament mill-isbaħ.”
L-atleta Janet Richard
Tkellimna wkoll ma’ oħtha Jacqueline Richard, li rebħet midalja mat-tim Malti tar-rugby.
“Ir-rugby l-ewwel sena li sar parti mill-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Both teams, kemm in-nisa u l-irġiel, ġibna l-midalji tal-fidda. Sar ħafna training, imbagħad kellna l-Covid imma ma waqqfitniex u naħseb li kellna riżultat tajjeb ħafna.”
L-atleta Jacqueline Richard
Iż-żewġt aħwa qasmu magħna l-ħsibijiet tagħhom wara li dan il-Logħob wassal għal rekord fl-isport Malti.
“Kburija ħafna. Kien hemm ħafna xogħol warajh dan, ħafna snin ta’ preparamenti, u l-fatt li rnexxielna, sodisfatta ħafna.”
L-atleta Janet Richard
“Hi xi ħaġa sabiħa li, f’pajjiżek, titla’ fuq dak il-podium u tieħu dik il-medalja. All the hard word, it paid off.”
L-atleta Jacqueline Richard