“B’dak li ħdimna għalih bħala pajjiż irnexxielna naslu għal riżultati illi xtaqna fil-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt l-attività politika f’Ħad Dingli, fejn mhux biss esprima s-sodisfazzjon tiegħu iżda irringrazzja lill-atleti u l-voluntieri li taw sehemhom għall-imħabba tagħhom għall-isport u għal pajjiżna.
Il-Prim Ministru nnota l-appoġġ kontinwu li kien hemm tul din il-ġimgħa lejn Team Malta, u x’emozzjonijiet kien hemm meta l-atleti tagħna kisbu s-suċċess.
Robert Abela qal li l-investiment li sar fil-qasam sportiv jixhed kif, meta bħala pajjiż ikollna l-prijoritajiet tajbin, m’hemm ebda settur fejn ma nistgħux niksbu iktar u aħjar.
Semma kif, fl-aħħar snin, fit-tħejjija għal din il-ġimgħa importanti, fhimna li ma nistgħux nikkuntentaw b’li nieħdu sehem, imma ridna nkunu fost l-aqwa.
“Huwa l-frott ta’ ħafna talent, il-frott ta’ ħafna sagrifiċċju li mhux biss sar mill-atelti imma wkoll mill-familjari tagħhom. Imma huwa wkoll il-frott ta’ ħafna u ħafna investiment li għamilna bħala pajjiż; investiment fuq żewġ binarji: fit-taħriġ u fil-faċilitajiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li l-investiment fil-faċilitajiet sportivi madwar pajjiżna mhux se jieqaf.
“Fil-ġimgħat li ġejjin inlestu kumplessi li ma ntużawx fil-Logħob. Anke għax uħud huma ta’ dixxiplini sportivi li f’dan il-Logħob ma kinux inklużi. Għal dan il-għan se nkunu investejna għexieren ta’ miljuni ta’ ewro. Illum rajna bil-provi li, jekk l-isport irridu narawh parti mit-tessut soċjali ta’ pajjiżna, nirnexxu, biex ikollna poplu b’saħħtu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ċar favur Team Malta.
“U allura, kif tafu, l-għajta ta’ Team Malta għalina mhix għajta ta’ din il-ġimgħa biss. L-għajta ta’ Team Malta hija ċentrali f’dak kollu li nagħmlu. Għax flimkien nistgħu niksbu iktar għall-familji tagħna. Flimkien nistgħu nagħmlu iktar għal-lokalitajiet tagħna. Flimkien nistgħu nfasslu futur aħjar għal uliedna. Flimkien nirnexxu, bħala poplu u bħala pajjiż. Nirnexxu għax għandna fiduċja f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela