Ġimgħa impenjattiva ta’ kompetizzjonijiet sportivi bejn atleti minn disa’ Stati Ewropej żgħar ġiet fi tmiemha llejla hekk kif fuq il-Fosos tal-Furjana ntfiet it-torċa li nxtegħlet nhar it-Tnejn li għadda f’ċerimonja spettakolari fl-istess post li tat bidu għal dan l-avveniment internazzjonali prestiġġjuż f’pajjiżna.
Kontinġenti mill-Andorra, Ċipru, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, Monako, il-Montenegro, San Marino, u Malta ikkompetew fid-19-il edizzjoni ta’ dan il-Logħob prestiġġjuż, li din is-sena dar f’pajjiżna.
Din kienet l-ewwel darba li Malta ġiet l-ewwel fil-klassifika tal-midalji u b’hekk kienet ir-rebbieħa assoluta ta’ dan il-Logħob. F’din l-edizzjoni Malta kisbet 97 midalja, 38 tad-deheb, 30 tal-fidda, u 29 tal-bronż.
F’messaġġ li għadda lil dawk preżenti, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dak li rajna f’din il-ġimgħa juri l-importanza tal-isport f’ħajjitna.
“Kburin bikom. Grazzi tar-riżultati bla preċedent,” huwa qal lill-atleti. Huwa rringrazzja wkoll lill-Prim Ministru għall-appoġġ kontinwu tiegħ, lill-kumitat organizzattiv tal-Logħob, lill-Kumitat Olimpiku Malti, lill-kowċis u lill-voluntiera kollha. Huwa wiegħed li l-investiment min-naħa tal-Gvern fil-qasam sportiv se jkompli għaddej.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, irrimarka li l-Maltin kollha li jħobbu l-isport huma kburin b’dak li kisbet Malta f’dan il-Logħob, kemm mil-lat organizzattiv kif ukoll mil-lat tal-kisbiet tal-atleti. Huwa qal li s-suċċess ta’ dan l-avveniment huwa xhieda ta’ dak li jista’ jinkiseb b’ħidma u investiment xierqa.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-bandiera tal-Logħob għaddiet mingħand Malta għand il-Kap tal-Gvern ta’ Andorra, Xavier Espot Zamora. Andorra se tospita l-edizzjoni li jmiss fl-2025. Il-President tal-Kumitat Olimpiku ta’ Andorra, Jaume Martí Mandicó faħħar din l-edizzjoni tal-Logħob f’Malta, li rrefera għaliha bħala “super games”.