Malta ġiet l-ewwel fil-klassifika tal-midalji tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa u b’hekk hija r-rebbieħa assoluta ta’ dawn il-Logħob.
F’din l-edizzjoni Malta kisbet 97 midalja, 38 tad-deheb, 30 tal-fidda u 29 tal-bronż.
Ċipru, il-pajjiż li ġie wara Malta u kien momentarjament fl-ewwel post, kiseb għaxar midalji inqas minn Malta, fosthom tmien midalji inqas tad-deheb.
Il-Lussemburgu, li ġie fit-tielet post, kiseb total ta’ 66 midalja, 22 midalja tad-deheb inqas minn Malta.
Sa qabel l-edizzjoni ta’ din is-sena, kien fl-2003 meta Malta kisbet l-aqwa riżultat f’dawn il-Logħob.
F’dik l-edizzjoni, li wkoll bħal din, pajjiżna kien dak ospitanti, kien kiseb total ta’ 44 midalja, 11-il deheb, 18-il fidda u 15-il bronż.
Dan kollu jfisser li fl-edizzjoni 2023, Malta kisbet iżjed mid-doppju tal-midalji miksuba fl-aqwa riżultat ta’ qabel din l-edizzjoni.
F’dawn il-Logħob Team Malta għamilna kburin, Team Malta rebaħ bl-unuri frott l-investiment fl-infrastruttura sportiva, it-taħriġ u t-timijiet tekniċi wara l-atleti Maltin.
Għal dan is-suċċess, il-Prim Ministru Robert Abela, li mar jippreżenta l-midalji u ltaqa’ mal-atleti u l-voluntiera f’diversi okkażjonijiet waqt dawn il-Logħob, feraħ lill-atleti Maltin.
Fuq il-midja soċjali qal li Team Malta kien team rebbieħ u awgura lil kull min ta sehmu.
Anki l-President ta’ Malta feraħ ukoll lill-kontinġent Malti u fisser kif il-preparazzjoni, id-dedikazzjoni u d-determinazzjoni taw riżultati.
Qal li Malta tawgura lill-atleti Maltin aktar suċċessi fl-isport.
Illum, fl-aħħar jum tal-Logħob kienet ġurnata eċċezzjonali għal Malta b’bosta midalji tad-deheb mirbuħa minn Malta fit-tennis, l-ibburdjar, table tennis, atletika u anki sparar.
F’dawn il-Logħob ipparteċipaw tmien pajjiżi oħra ma’ Malta; Andorra, Ċipru, Iżlanda, Liechtenstein, Lussemburgu, Monako, Montenegro u San Marino.
Ara wkoll: