L-aġenzija responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi tal-iskola privata San Andrea ħabbret fi stqarrija li tlestew l-inkjesta indipendenti dwar allegati irregolaritajiet finanzjarji fl-iskola kif ukoll l-ewwel fażi ta’ rapport ikkummissjonat lid-ditta tal-awditjar PWC.
Fl-istqarrija, l-Aġenzija ma tatx dettalji dwar il-konklużjonijiet ta’ dawn ir-rapporti, iżda qalet li dawn se jintbagħtu lill-ġenituri u lill-istaff fil-jiem li ġejjin qabel ma, il-ġimgħa d-dieħla, issir laqgħa informattiva biex tiġi diskussa t-triq ’il quddiem. Se jkun wara dik il-laqgħa li l-konklużjonijiet jiġu ppubblikati.
Kien f’Novembru li għadda meta l-bord tal-iskola ħatar lill-Imħallef David Scicluna biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet finanzjarji minn dak li kien l-Assistent Kap tal-Iskola, Trevor Templeman. Ħatret ukoll lill-PWC biex twettaq eżerċizzju separat sabiex jiġu identitifikati l-fatti.
Il-Kap tal-Bord ta’ San Andrea kkummenta li l-iskola tilqa’ b’sodisfazzon il-konklużjonijiet ta’ dawn iż-żewġ rapporti importanti, li huma essenzjali biex jipprovdu ċarezza u biex l-iskola tkun tista’ toħroġ minn dan il-kapitlu iswed u tibda mill-ġdid, għall-ġid tagħha u tat-tfal li jattendu fiha.
Il-Bord qal li r-rapporti ngħaddew lill-Kumitat għall-Valutazzjoni Strateġika li għadu kif inħoloq, sabiex janalizzahom u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu filwaqt li jipproponi x’azzjonijiet għandhom jittieħdu.
Fil-frattemp, il-Bord – li hu magħmul minn ġenituri ta’ tfal li jattendu l-iskola – ħa diversi azzjonijiet, fosthom li ssospenda membru tal-istaff sakemm ma jkunx hemm żviluppi li jippermettu li d-deċiżjoni tinbidel. Barra minn hekk, Stefania Bartolo, li kienet il-Kap tal-Iskola, u li kienet issospendiet lilha nnifisha meta faqqgħet il-kontroversja, irriżenjat din il-ġimgħa.