Dilettanti tal-isport tal-kickboxing, K1 boxing u l-Muy Thai, fost l-oħrajn, jinsabu ħerqana għall-avveniment ‘Gladiators Fight Night 28’, li se jsir is-Sibt, 3 ta’ Ġunju.
Dan l-isport jikkonsisti minn kompetituri li jridu jużaw id-dinamika ta’ ġisimhom permezz tal-elementi tal-boxing u l-karate. Il-kickboxing jirrikjedi dixxiplina kemm fiżika kif ukoll mentali u jitfa’ enfasi fuq l-aġilità, il-veloċità, u l-preċiżjoni biex finalment jirbħu kontra l-avversarji tagħhom.
Il-K1 boxing u l-Muy Thai jużaw tekniċi simili iżda oriġinaw minn postijiet differenti u għalhekk għandhom ir-regoli u l-istili distinti tagħhom.
Għal waqt dan l-avveniment se jitħejjew kompetizzjonijiet fil-kategoriji tal-atleti nisa kif ukoll atleti żgħażagħ.
Il-kowċ Noel Mercieca spjegalna li s-Sibt se jkun hemm 19 il-kompetizzjoni. Fost l-oħrajn, xi kompetituri Maltin se jkunu qegħdin jikkompetu kontra oħrajn minn pajjiżi oħrajn għal titli internazzjonali. Fost il-pajjiżi li se jieħdu sehem hemm il-Polonja, l-Italja, Spanja, u l-Greċja.
“Għandna żewġ titli internazzjonali wkoll, li huma WBC Title tal-Muy Thai, fejn se jikkompeti Jesreo Piscopo, u għandna WKN European title, fejn se jikkompeti Brandon Spiteri.”
Huwa kkummenta li l-isport mhux faċli iżda, grazzi għad-determinazzjoni tal-atleti Maltin, intrebħu xi titli Ewropej u anki titli mondjali. Qalilna kif dan l-isport qed jinteressa lil iktar Maltin li, bil-mezzi soċjali, qed jiskopru tipi u stili differenti ta’ dan l-isport minn madwar id-dinja u attwalment jibdew jipprattikawh.
“Dawn l-aħħar snin qed iqum iktar u iktar, għandna talent tajjeb ħafna bħala Maltin. L-atleti Maltin, nista’ ngħid, huma verament ta’ livell qawwi.”
Meta mistoqsi fuq is-sinifikanza ta’ dan it-titlu fil-livell lokali u internazzjonali Noel Mercieca stqarr li dan huwa titlu rinomat li ħafna atleti minn madwar id-dinja jaspiraw li jirbħu.
“Huwa titlu prestiġġjuż immens, dan anki fil-boxing WBC qed insemmu boxers kbar bħal Tyson Fury, Mike Tyson – dan iċ-ċinturin qiegħed hawn Malta. Jesreo Piscopo se jikkompeti għalih u jalla jibqa’ hawnhekk.”