Kif jgħid iI-Malti: li tiżra’ taħsad. Matul din il-ġimgħa, fejn il-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar jinsabu fl-aqwa tagħhom, qed jinqata’ l-frott li żrajna, wara tant xhur twal ta’ tħejjija.
U biex nitkellmu dwar ix-xogħol li sar tul dawn l-aħħar xhur, One News żar il-kumpless f’San Ġwann fejn bħalissa l-kontinġent Malti, flimkien mal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob u l-Kumitat Olimpiku Malti, qed jikkonċentraw il-ħidma sfiqa tagħhom.
Sibna lil atleti fi triqithom lejn il-padiljun ta’ Ta’ Qali għall-logħba basketball tan-nisa bejn Malta u L-Lussemburgu.
Tlajna fl-Uffiċċju prinċipali, fejn sibna lil żewġ voluntieri – Antonella Caruana u lil Omar Farrugia – għaddejjin bil-ħidma tagħhom ma taqta’ xejn. Bħalissa, flimkien ma’ oħrajn, għaddejjin b’ruħhom u b’ġisimhom jagħtu daqqa t’id f’kull ma jkun hemm bżonn matul din il-gimgħa ta’ Logħob.
Antonella Caruana kellha biċċa wġigħ ta’ ras fi tħejjijiet għal dan il-Logħob. Hija ħadet ħsieb il-kits tal-atleti, fost l-oħrajn, u anki parti mil-loġistika.
“Il-ħidma tiegħi kienet tinvolvi l-kits tal-atleti. Preparajna l-uniformijiet ta’ ħafna uffiċjali u ħafna voluntiera li mingħajrhom dawn l-affarijiet ma jistgħux isiru. Jekk ma jkollokx voluntiera ma tistax taħdem. Ħafna branding mal-venues kollha, saħansitra bil-familja b’kollox immorru nwaħħlu l-banners, immorru nwaħħlu l-boards, kollox. Imma s-sodisfazzjon, issa, x’ħin tibda tara r-riżultati ġejjin u kollox għal Malta tagħna.”
Flimkien ma’ oħrajn, Omar Farrugia tul dawn l-aħħar xhur kien għaddej qatigħ b’ħidma flimkien ma’ bosta Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex biex jippromwovu l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Logħob Tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa.
Tlabnih jgħidilna xi jħoss wara tant ħidma, issa li qed jinqata’ l-frott u l-atleti Maltin qed iġibu r-riżultati u l-midalji għall-Malta.
“Ilna nippreparaw dan ix-xogħol biex naslu, biex l-atleti jkunu komdi illi jistgħu jikkonċentraw kompletament fil-logħob tagħhom. Bħalissa qed inħossuna parti minn dan it-tim li qed naraw, fl-aħħar, ir-riżultati, qed naraw atleti – inħossuna vera proud, bl-atleti u l-emozzjonijiet li qed jagħtuna.”
Il-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema, flimkien ma’ ta’ oħrajn, hija imprezzabbli sabiex l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Logħob Tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa f’pajjiżna, tkun waħda ta’ suċċess, biex b’hekk inkomplu naħsdu dak li żrajna. Inkunu kburin li aħna Maltin, grazzi għall-ħidma ta’ dawn in-nies u tal-atleti Maltin.