Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, deher skomdu immens biex iwieġeb dwar il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin, inkluż dwar it-tmexxija tiegħu.
Skomdu iktar deher meta ġie mistoqsi dwar il-pjan tiegħu għall-pajjiż.
Dan kollu deher ċar f’intervista fil-konferenza dwar L-Istat tan-Nazzjon, organizzata mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.
F’diffikultà biex iwieġeb dwar it-tema li poġġielu quddiemu l-preżentatur, Grech għamel iktar minn tentattiv wieħed biex ikollu r-risposta. Iżda kien kollu għalxejn.
“Ifhimni, l-istess domanda se jkollha l-istess tweġiba, tgħamilha kif tagħmilha u daħħal xi daħħal.”
Frustrat għax ma kellux xi jgħid dwar l-istat tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech wera li ried jitkellem dwar temi oħra.
“L-istat tal-Partit Nazzjonalista nistgħu niddiskutuh, però t-titlu huwa ‘L-istat tan-Nazzjon’.”
Kontinwament, Bernard Grech uża l-intervista biex jikkritika l-Gvern.
“Li l-Partit laburista huwa ħażin, il-poplu qed jgħidu.”
Meta mbagħad, mistoqsi dwar il-pjan tiegħu għall-ġejjieni, reġa’ nqabad fuq sieq waħda. Qal biss li qed jiltaqa’ mal-NGOs.
“Għidli x’inhu l-pjan tiegħek.”
“Il-pjan tagħns ċar. Għidnih. Iltqajna mal-NGOs.”
Peress li laqgħa mhi pjan xejn, reġa’ ġie mistoqsi, u din id-darba qal li se jagħmel studju.
“Dan l-istudju serju li rridu nagħmlu. Studju s’issa sar. Le, mhux studju, Lou.”
Bl-intervista tkompli għaddejja u bil-Kap tal-Oppożizzjoni bl-ebda alternattivi x’joffri, għamel sforz biex itawwal kemm jista’ ħalli jevita iktar mistoqsijiet.
Aħna ftiehmna 15-il mistoqsija f’nofs siegħa. Jekk se titkellem b’dan il-mod mhux se nagħmilhomlok,. Issa jekk ma tridx nagħmilhom, ma ngħamilhomx.
U fost ħafna argumenti partiġġjani, Bernard Grech qal li hu l-Partit Nazzjonalista biss li jemmen fl-intelliġenza tal-poplu.
“Aħna l-partit li nemmnu fl-intelliġenza tal-poplu.”