F’Settembru li ġej, Għawdex se jingħaqad mal-kumplament taċ-ċelebrazzjonijiet waqt il-EuroPride 2023.
Waqt konferenza fir-Rabat Għawdex, il-Ministru Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg taw dettalji dwar is-sehem importanti tal-gżira Għawdxija f’dan l-avveniment internazzjonali li qed isir f’pajjiżna għall-ewwel darba.
Fid-9 ta’ Settembru se jittella’ l-Pride March f’Għawdex fejn Maltin u Għawdxin, flimkien ma’ għadd ta’ barranin li se jaslu f’pajjiżna għal dan l-avveniment, jagħmlu din il-mixja simbolika favur id-diversità u l-inklużjoni, b’festa ta’ kuluri u mużika.
Il-Pride March se jkun segwit minn kunċert spettakolari taħt id-direzzjoni artistika ta’ Glen Vella, bis-sehem ta’ aktar minn għoxrin artist.
“Qed inħejju kunċert kbir għalikom, mhux il-kunċert biss hemm il-Pride March ukoll, jiġifieri nħeġġukom li tattendu u l-qofol ikun il-kunċert, Versateile Brass band u għoxrin kantant u kantanta. Spettaklu, mużika, żfin, effetti, grafika, spettaklu kbir – inħeġġiġkom biex tiġu nhar id-disgħa ta’ Settembru.”
Il-Ministru għal Għawdex stqarr li kif il-gżira Għawdxija tħares ’il quddiem għal dan l-avveniment ta’ mħabba li jiċċelebra l-ugwaljanza.
“Il-messaġġ irid jasal, kif diġà qed jagħmel, fil-gżira t’Għawdex, biex fl-aħħar mill-aħħar ikollna soċjetà ugwali, li tħares b’mod pożittiv lejn kulħadd.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza saħqet fuq l-importanza li kulħadd ikun involut f’din iċ-ċelebrazzjoni, li se timmarka l-istorja ta’ Malta fil-qasam tad-drittijiet soċjali.
“Bħala Gvern qed nagħtu s-sostenn lill-komunità LGBTI ġewwa l-gżira Għawdxija permezz ta’ hub ġdid li għandhom f’Għawdex u anki s-sostenn lejn l-għaqda LGBTI Gozo.”
Għall-programm uffiċjali tal-EuroPride wieħed jista’ jżur is-sit europride2023.mt.