Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar inċident li seħħ nhar it-Tlieta, li fih kuntrattur imblokka l-aċċess għall-Pjazza tal-Imqabba.
Id-Dipartiment spjega li, wara li sar il-proċess għal ħruġ tat-tender, il-kuntratt għax-xogħlijiet ta’ pavimentar ġie ffirmat fl-2019, u sar ftehim li l-flus jiġu rilaxxati mill-Awtorità tal-Kuntratti ladarba l-fażijiet differenti tax-xogħol ikunu tlestew skont l-istandards stabbiliti.
L-aħħar ammont ta’ flus, li kienu qed jinżammu bħala garanzija, kienu maħsuba biex jiġu rilaxxati mal-ħruġ taċ-ċertifikat tal-ħlas finali, ladarba x-xogħlijiet ġew spezzjonati u jinħareġ ċertifikat tat-tlestija.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qal li, meta ġew spezzjonati x-xogħlijiet mill-perit, instabu numru ta’ difetti fil-pavimentar, u għalhekk it-tielet ħlas ma nħariġx.
Id-Dipartiment qal li l-kuntrattur ġie nnotifikat b’dawn id-difetti u beda x-xogħlijiet ta’ rimedju. Filwaqt li lesta l-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet difettużi, xorta kellu difetti żgħar oħra xi jsewwi.
Filwaqt li d-Dipartiment qal li l-aċċettazzjoni finali tinħareġ u l-ħlasijiet pendenti jsiru ladarba d-difetti kollha jkunu ġew tranġati skont il-kuntratt, spjega wkoll li l-kuntrattur ħa l-liġi b’idejh u kellha tissejjaħ l-assistenza tal-pulizija biex is-sitwazzjoni kkalmat.