Iż-żewġ Ċippi famużi skoperti f’Malta sekli ilu, li kienu sfaw mifrudin meta wieħed minnhom intbagħat Franza mill-Gran Mastru de Rohan, ingħaqdu mill-ġdid – għalkemm temporanjament – wara 241 sena, permezz ta’ wirja fil-mużew Louvre Abu Dhabi.
Iċ-Ċippi jmorru lura sat-tieni seklu qabel Kristu. Minbarra l-valur kbir tagħhom mil-lat estetiku u storiku, huma simbolu taddeċiframent tal-lingwi u tar-relazzjonijiet diplomatiċi.
Fin-naħa t’isfel taċ-Ċippi hemm l-istess iskrizzjonijiet. L-ewwel iskrizzjoni, miktuba bil-Feniċju, hija dwar żewġ aħwa rġiel li jagħmlu offerta lill-alla Feniċju Melqart. Taħt din l-iskrizzjoni hemm il-verżjoni tagħha b’ittri Griegi.
Mhux magħruf b’ċertezza meta ċ-Ċippi ġew skoperti, iżda ssemmew għall-ewwel darba fl-1694 bħala parti mill-kollezzjoni ta’ Ġan Franġisk Abela. Dak iż-żmien, il-lingwa Feniċja kienet għadha ma ġietx deċifrata għalkollox. Kopji tal-iskrizzjonijiet- intbagħtu barra minn Malta u minn fost il-bosta studjużi li ħadmu fuqhom, l-Abbati Jean-Jacques Barthélemy mill-Académie des Inscriptions et Belle-Lettres ta’ Pariġi rnexxielu jikxef il-kodiċi tal-lingwa Feniċja fl-1758.
Il-par Ċippi b’hekk saru magħrufa mad-dinja kollha u, b’turija ta’ rikonoxximent, il-Gran Mastru de Rohan bagħat Ċippus minnhom lill-Académie fl-1782. Dan ittieħed fil-Louvre ta’ Pariġi fl-1864. Iċ-Ċippus l-ieħor jinżamm fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.
Iż-żewġ mużewijiet silfu ċ-Ċippus rispettiv tagħhom biex ikun esebit f’wirja temporanja li qed issir fil-mużew Louvre Abu Dhabi. Din il-wirja qed tittella’ fuq l-inizjattiva tal-Ambaxxata ta’ Malta fl-Emirati Għarab Magħquda, biex tfakkar il-50 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Emirati.
Se jsiru diversi attivitajiet kulturali u edukattivi b’rabta mal-wirja. Barra minn hekk, il-Louvre Abu Dhabi, bil-kollaborazzjoni talMużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ta’ Malta u l-Louvre ta’ Pariġi, organizza taħdita kuratorjali bl-isem A Story of the Cippi of Malta: Decipherment and Reunification fil-31 ta’ Mejju. Fit-taħdita ngħata tagħrif dwar iż-żewġ kolonni ornamentali, limportanza storika u arkeoloġika tagħhom, kif ukoll it-tifsira tat-tlaqqigħ tagħhom mill-ġdid wara firda ta’ aktar minn żewġ sekli. Sharon Sultana, Senior Manager ta’ Heritage Malta għall-Arkeoloġija u l-Istorja Naturali, kienet waħda mill-kelliema fittaħdita.
F’diskors fl-inawgurazzjoni tal-wirja, Maria Camilleri Calleja, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Emirati Għarab Magħquda, qalet li l-għaqda taċ-Ċippi mill-ġdid tfakkarna li nkunu fejn inkunu fid-dinja, bi sforz u bi djalogu dejjem nistgħu nsibu mezz kif nersqu lejn xulxin u nsibu lil xulxin. Il-fatt li l-wirja qed isseħħ fl-2023 – is-sena li fiha Malta u l-Emirati Għarab Magħquda qed jiċċelebraw 50 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi – huwa xieraq u jawgura tajjeb għall-quddiem.