Il-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed jiffaċja problema ġdida li mistennija tagħti daqqa ta’ ħarta oħra lil waħda mill-iktar kampanji qalila li mbarka kemm ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista.
ONE NEWS jista’ jikkonferma li fis-sigħat li ġejjin se jkun żvelat każ li jimmina l-kredibbilta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar tema li Simon Busuttil qed jgħid li jrid jgħamilha ċentrali fil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ġenerali.
Jirriżulta li filwaqt li Busuttil diġa’ għandu problema bl-imgħoddi tal-Partit Nazzjonalista u l-involviment tiegħu fl-istess partit fi żmien li ttieħdu fost l-agħar deċiżjonijiet f’dan is-settur, issa s-sitwazzjoni se tkun qed tmurlu għall-agħar.
Għax wieħed mid-deputati tiegħu, li saħansitra huwa fdat biex jippreżenta politika ġdida għas-settur inkwistjoni, għandu kwistjoni personali li tmur lil hinn minn dak li ilu jwiegħed l-istess Partit Nazzjonalista.
L-ewwel dettalji dwar dan il-każ se jkunu żvelati fil-gazzetta KullĦadd tal-Ħadd.
Dan mhux l-ewwel każ kontroversjali li nqabad fih dan id-deputat ta’ Simon Busuttil.
Iżda, sal-lum Simon Busuttil baqa’ jiddefendih. Iktar minn hekk fdah b’xogħol fuq dokumenti importanti fl-istess ħin li fil-ħajja personali tiegħu kien qed jaġixxi b’mod li jġib fix-xejna dak li jitkellem dwaru fil-pubbliku.
Fil-KullĦadd se jkunu ppubblikati dokumenti u dettalji esklussivi.