Nhar il-Ħadd 9 ta’ Lulju se ssir maratona għall-ġbir ta’ fondi ta’ 12-il siegħa bit-tema ‘Bl-ImħabbaTiegħek Naslu’. Din se tixxandar ukoll fuq dan l-istazzjon.
L-għan tagħha huwa li l- Hospice Malta tissokta bis-servizzi ħolistiċi ta’ kura palljativa mingħajr ħlas lil toffri lil eluf ta’ pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet li jxeklu l-ħajja, bħall-kanċer, mard relatat ma’ motor-neuron, mard ta’ tmiem il-ħajja, u mard tal-qalb, tal-kliewi, u tal-fwied, fost oħrajn.
Il-flus li jinġabru se jgħinu sabiex jitlestew l-aħħar stadji tal-kumpless il-ġdid tal-Hospice, is-St Michael: l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna għall-kura palljativa.
Meta spjega x-xogħol tal-Hospice, il-Kap Eżekuttiv tal-Hospice Malta Kenneth Delia ta aktar dettalji dwar il-kumpless St Michael, li se jkun qed joffri kura lil pazjenti matul il-jum u saħansitra fil-komunità. Se joffri wkoll s-servizz ta’ inpatients u anki kliniċi out-patient.
“Sfortunatament, ħafna nies proprju jkunu milquta minn diffikultajiet, minn dan it-tip ta’ mard, li l-Hospice tgħin fil-kura li tagħti. Allura l-appell tiegħu hu li, kemm jista’ jkun, in-nies ikomplu jgħinu, isostnuna – in-nies inġenerali kif ukoll kumpaniji, negozji żgħar, u kbar illi jistgħu jissapportjawna, biex dan il-proġett nazzjonali nwassluh fl-aħħar, nibdew noperaw minn ġo fih, u nagħtu s-servizzi lill-pazjenti u lill-familji tagħhom li qegħdin fil-bżonn fl-iktar ħin kruċjali u, kemm jista’ jkun, b’mod effettiv u ta’ kwalità għolja.”