L-unika skola Musulmana f’Malta, Mariam Al Batool, se jkollha tagħlaq l-iskola sekondarja fi ħdandha fis-sena skolastika li jmiss, minħabba problemi finanzjarji li akkumulaw tul l-aħħar ħames snin.
L-iskola li twaqqfet fl-elf disgħa mija sebgħa u disgħin mill-Imam, Mohammad Elsadi, u tħaddan kindergarten, skola primarja, u sa mill-2007 skola sekondarja li kienet timpjega għalliema Maltin. Huwa magħruf li l-iskola ilha dawn l-aħħar snin tipprova ssolvi kwistjonijiet bħan-nuqqas ta’ faċilitajiet akkademiċi, u issa l-għalliema tas-sekondarja kollha rċivew ittra li se jintemm l-impjieg tagħhom.
Il-fondi li l-iskola kienet tiddependi fuqhom ħadu tisbita meta għajnuna finanzjarja mill-Libja waqffet ħesrem, u għaqdiet tal-karita oħrajn li kienu joffru l-għajnuna tagħhom ma setgħux jibqgħu jagħtu d-donazzjonijiet lill-iskola. Għalkemm il-Gvern ukoll kien joffri fondi lil Mariam Al Batool, dawn kienu biżżejjed biex ikopru terz biss tal-infieq li kienet tagħmel l-iskola. L-Imam Elsadi, qal li wara diskusjsonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar x’azzjoni tista titieħed, kien deċiż li l-iskola għandha ttemm l-impjiegi tal-għalliema tas-sekondarja.
Is-servizzi tal-edukazzjoni bikrija u dik primarja xorta se jibqgħu jiġu offruti grazzi għal għajnuna finanzjarja żejda li l-Gvern se joffri.