L-ITS ħabbret li mis-sena akkademika li ġejja , studenti se jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f’qasam partikolari għall-Baċellerat fl-International Hospitality Management.
Fil-prospett ġdid għas-sena skolastika li jmiss, studenti jistgħu jagħżlu li jiffokaw fuq suġġetti bħal finanzi, servizzi u avvenimenti relatati mal-ikel u xorb, ir-riżorsi umani f’din l-industrija, u l-qasam tal-benesseri u spas. B’hekk ikomplu jtejbu l-kompetenza fil-qasam li jkunu għażlu.
Fl-ITS, studenti jistgħu jistudjaw minn livell ta’ fondazzjoni sa livell ta’ Master. Fost l-oqsma varji hemm l-arti kulinarja, it-tqassim ta’ kmamar ta’ akkomodazzjoni, l-ivjaġġar favur il-klima, l-ospitalità minn lenti internazzjonali, is-sigurtà fl-għadds, is-servizz ta’ gwidi għat-turisti, u ħafna suġġetti oħra.
Waqt it-tnedija tal-prospett ġdid, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-Gvern jibqa’ impenjat li jassigura li l-ITS ikompli joffri korsijiet ta’ kwalità li jbiddlu lill-istudenti f’ambaxxaturi fid-dinja tat-turiżmu.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu mit-3 ta’ Ġunju sal-11 ta’ Awwissu.
Għal aktar informazzjoni, żur www.its.edu.mt.