Delegazzjoni mmexxija mis-Sur Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, u s-Sur Ryan Spagnol, Segretarju tal-Kabinett fi ħdan Uffiċċju tal-Prim Ministru, akkumpanjati minn Charles Saliba, Ambaxxatur ta’ Malta għal-Libja, il-Brig. Clinton O’Neill, Kmandant tal-Forzi Armati, is-Sur Alex Dalli, Mibgħut Speċjali għall-Migrazzjoni u uffiċjali oħra ta’ livell għoli, kellhom laqgħat fi Tripli u Bengażi fid-29 u t-30 ta’ Mejju.
Id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet fi Tripli ma’ dik Libjana.
Il-laqgħat saru biex tiġi kkonsolidata l-koperazzjoni diġà fis-seħħ bejn iż-żewġ naħat fil-qasam tas-sigurtà, kontroll tal-fruntieri u migrazzjoni irregolari, li hija riflessa fi skambju ta’ informazzjoni u taħriġ tal-uffiċjali Libjani.
Iż-żewġ naħat esploraw ukoll aspetti ġodda ta’ koperazzjoni speċjalment fid-dawl tat-tiġdid tal-Ftehim fil-Prinċipju dwar il-Migrazzjoni li ġie ffirmat fl-2020 u t-twaqqif ta’ Kumitat Konġunt biex jissaħħu l-kuntatti fil-livell tax-xogħol bejn is-servizzi differenti.
Id-delegazzjoni żaret ukoll Bengażi u ntlaqgħet mill-Marixxall Khalifa Haftar.
Fir-rimarki inizjali tiegħu, is-Segretarju Permanenti s-Sur Christopher Cutajar laqa’ l-iżviluppi pożittivi riċenti fil-qasam tas-sigurtà wara diskussjonijiet li saru fil-laqgħat tal-Kummissjoni Militari Konġunta 5+5, bejn l-atturi tas-sigurtà u militari minn madwar il-Libja.
Il-laqgħa ffukat fuq l-isfidi tas-sigurtà li kemm Malta kif ukoll il-Libja qed jiffaċċjaw fir-reġjun, partikolarment dik tal-migrazzjoni irregolari, u ġie miftiehem li jiġi estiż l-impenn man-Navy u l-Gwardja tal-Kosta, fejn matul din iż-żjara saru taħditiet sostanzjali.
Ġie miftiehem li tiġi indirizzata din l-isfida komuni u li l-forza navali jżuru Malta biex isiru aktar diskussjonijiet tekniċi biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet għal taħriġ.
Il-potenzjal ta’ konnettività diretta bl-ajru bejn Bengażi u Malta, li tikkumplimenta rotot diġà stabbiliti lejn Tripli u Misrata, tqajjem ukoll biex jissaħħu l-possibilitajiet għal skambji kummerċjali minn dan ir-reġjun.