Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali illi kellu mal-fondazzjoni Paole Freire. Din l-fondazzjoni tgħin tfal u anke adulti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, kif ukoll jippromwovu relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-ġenituri u t-tfal fil-komunità taż-Żejtun.
Dan il-ftehim, li jlaħħaq il-€276,000 fuq medda ta’ 3 snin, kien iffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, u t-tmexxija ta’ Paole Freire.
Permezz ta’ dan il-finanzjament se jkomplu jissaħħu s-servizzi soċjali li diġà jingħataw fil-komunità. L-għajnuna tvarja minn sessjonijiet individwali fejn it-tfal jingħataw attenzjoni, għajnuna akkademika, filwaqt li ssir emfasi sabiex it-tfal jemmnu aktar fihom nfushom. Ser tingħata wkoll 900 siegħa ta’ terapija, li tinkludi servizz ta’ psikologa u social worker. Parti minn dan is-servizz jingħata wkoll lill-ġenituri.
“Dan il-Gvern huwa hemm għal kulħadd, anke għall-minoritajiet u l-iżgħar wieħed fostna u kommessi li nkomplu nsaħħu ftehimiet bħal dawn għax verament nemmnu fil-ġustizzja soċjali”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.