Jake Azzopardi nħatar Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, l-ewwel fondazzjoni f’Malta li, permezz tagħha, il-Gvern u l-Knisja se jaħdmu flimkien biex jitwessgħu l-opportunitajiet fis-settur tal-akkomodazzjoni.
Azzopardi, li nħatar wara proċess rigoruż li segwa sejħa pubblika qal li, l-affordabbiltà fis-settur tal-akkomodazzjoni titlob minna ħsieb u ppjanar fit-tul u l-Fondazzjoni tirrappreżenta proprju dan.
Jake Azzopardi huwa avukat li għal dawn l-aħħar sitt snin ikkontribwixxa direttament fit-tfassil tal-politika lokali relatata mal-akkomodazzjoni b’mod partikolari fir-regolazzjoni tas-suq tal-kera u miżuri ta’ affordabbiltà.
Dan l-aħħar huwa wettaq xogħol marbut mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f’Malta filwaqt li s-sena l-oħra kien wieħed mill-awturi dwar l-introduzzjoni ta’ Living Income Nazzjonali f’Malta.