Dalgħodu l-President George Vella ltaqa’ mal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri, Gran Duka tal-Lussemburgu, li jinsab Malta biex jattendi għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa tal-2023.
Il-President qal kif il-laqgħa hija affermazzjoni ulterjuri tar-rabtiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fil-fatt, iż-żewġ partijiet qablu dwar ir-rwol importanti li għandu l-isports fit-tisħiħ tad-djalogu u s-solidarjetà fost il-ġnus.
Il-valuri tal-koeżistenza u l-għaqda kienu fiċ-ċentru tal-iskambji, u ż-żewġ partijiet esprimew interess fil-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dawn l-oqsma.
Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt tagħha fuq ix-xena globali ġew diskussi fit-tul, u l-President Vella spjega li n-newtralità ta’ Malta ma kinitx ta’ xkiel biex tieħu pożizzjoni kategorika u tipprovdi appoġġ u għajnuna lill-Ukrajna.
L-instabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran ġiet indirizzata b’interess kbir, b’enfasi partikolari fuq l-aħħar żviluppi fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. Tkellmu wkoll fuq is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.
Għal din il-laqgħa, il-President Vella kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.